Internazzjonali

Isalvawha inqas minn minuta qabel il-karozza tagħha għerqet

Mara fi New Zealand tista’ tgħoddha b’waħda wara li nħelset mill-karozza tagħha hi tegħreq, inqas minn minuta qabel ma spiċċat taħt l-ilma b’kollox.

Il-mara kienet f’karozza BMW f’parkeġġ meta għal xi raġuni, din bdiet miexja u spiċċat fil-baħar tal-port ta’ Auckland. Il-karozza bdiet tegħreq fi ftit ħin u l-mara rnexxielha taqbeż fuq wara hekk kif quddiem spiċċa mgħarraq fi ftit sekondi.

Nies li kienu fil-post ċemplu għall-għajnuna u li ma kinitx għar-reazzjoni immedjata ta’ pulizija, il-mara ma kinitx issalva u tirrakkonta dak li ġara.

Għal xi raġuni, il-bibien tal-karozza ma setgħux jinfetħu u pulizija pprova jifqa’ l-ħġieġ tal-karozza bil-lembuba imma dawn ma riedux jinfaqgħu. Pulizija minnhom ingħata ġebla ftit kbira u kienet din li faqgħet il-windscreen ta’ wara minn fejn inħarġet u ttellgħet lura l-art.

Skont iż-żewġ pulizija, Paul Watts u Simon Russell, is-salvataġġ kien perikoluż u l-mara kien fadlilha inqas minn minuta biex tegħreq għax il-karozza kienet nieżla b’veloċità għalkemm wieħed minnhom ipprova jżomm il-karozza milli tinġibed mill-kurrenti.

Iż-żewġ pulizija fakkru li s-salvataġġ hu parti mill-ġurnata normali tax-xogħol tagħhom u li din id-darba l-operazzjoni ta’ salvataġġ ħadet bejn wieħed u ieħor 40 sekonda. Il-karozza madankollu għerqet ftit sekondi wara li ħarġu lill-mara minnha u, iktar tard itellgħet lura l-art.

Il-mara, li ħafna qiesu li kienet b’xortiha li salvat, ittieħdet l-isptar għall-kura, speċjalment għax-xokk li kienet fih. Hi tinsab f’kundizzjoni stabbli u mistennija tirkupra saħħitha. Spiċċat biss bi ftit grif u dbenġil.