L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara f’ruling li ta llejla fil-Parlament, li quddiem id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jawtorizzax lill-Avukat Ġenerali li jixhed u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru b’rabta mar-rapport u l-investigazzjonijiet tal-OLAF kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli, l-Avukat Ġenerali Peter Grech għandu dritt jieqaf li jixhed la darba mhux eżentat mill-Gvern mis-sigriet professjonali.
Ir-rulings mill-Ispeaker intalbu fl-aħħar seduta tal-Kumitat dwar il-Privileġġi li qed jisma’ l-każ ta’ ksur ta’ privileġġ imressaq mill-Prim Ministru Kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ta’ Malta fid-dawl tar-rapport u l-investigazzjonijiet li għamel l-Uffiċċju tal-OLAF kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli.
L-Avukat Ġenerali (AĠ) kien talab lill-Ispeaker li jiġi awtorizzat kemm mill-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll mill-Ministru responsabbli mill-Pulizija biex ikompli jixhed quddiem il-Kumitat u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.
F’ruling ieħor li ta l-Ispeaker dwar jekk l-Avukat Ġenerali għandux jippreżenta l-ittra li kien bagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija wara li kien irċieva r-rapport tal-OLAF dwar l-investigazzjonijiet kontra John Dalli, u li fiha l-Avukat Ġenerali kien talab għal aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija, kien dikjarat li għandu jkun il-Kumitat dwar il-Privileġġi li jiddeċiedi dwar jekk l-ittra tkunx ippreżentata jew le.
//= $special ?>