L-Istitut Ġurnalisti Maltin (IĠM) se jtella’ l-25 edizzjoni tal-Malta Journalism Award, li fih ikunu rikonoxxuti l-aqwa xogħolijiet ġurnalistiċi Maltin. Din l-edizzjoni tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairman il-ġdid tal-IĠM Karl Wright u l-Kordinatur tal-Awards Roderick Agius.
Karl Wright tkellem dwar il-mod kif il-ġurnalisti Maltin għandhom ikunu kburin bix-xogħol tagħhom, filwaqt li sostna li huma ħafna l-każi li jsiru pubbliċi u dwarhom jittieħdu passi propja minħabba l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti. Qal li l-IĠM qed iwettaq ħidma fuq diversi binarji li jitrattaw l-aspett ġurnalistiku tal-professjoni.
Il-25 edizzjoni tal-Malta Journalisim Awards se tinkudi rikonoxximenti għall-ġurnaliżmu stampat, ġurnalizmu mxandar u ġurnaliżmu elettroniku, kif ukoll kategorija ġenerali li tinkludi ħidma ġurnalistika barra minn Malta, ġurnaliżmu sportiv, ġurnaliżmu kulturali, ġurnaliżmu ambjentali u artikli ta’ opinjoni.
Se jingħata wkoll rikonoxximent għall-ġurnalisti li jħaddmu tajjeb il-lingwa Maltija. Bħall-aħħar edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, din is-sena se jingħata l-Gold Award lil ġurnalist li jkun ta kontribut twil lill-ġurnaliżmu Malti.
//= $special ?>