Lokali

L-ispeaker imħasseb dwar is-sigurta’ tal-Parlament il-ġdid bil-monti maġenbu

L-ispeaker tal-kamra tad-deputati, Anglu Farrugia, kkonferma ma’ dan is-sit li flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, diga’ beda jiddiskuti l-kwistjoni tas-sigurta’ għall-Parlament il-ġdid, fil-Belt Valletta.

Dan fid-dawl tal-kwistjoni ta’ fejn se jitpoġġew il-bejjiegħa tal-Monti fil-Belt.

Kwistjoni li l-Ispeaker Anglu Farrugia kkonferma li dwarha se jitkellem man-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, fil-Kumitat dwar ix-xogħol tal-Kamra.

Fil-bini eżistenti tal-Parlament, bdew jittieħdu numru ta’ miżuri ta’ sigurta’ fl-entratura tal-Palazz wara l-każ tal-isparatura li kien involut fih ix-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia.

Miżuri ta’ sigurta’ fil-bini tal-Parlament il-ġdid mistenni jkun hemm, iżda jistgħu jkunu f’forom oħra hekk kif ħdejn il-bini tal-Parlament il-ġdid se jkun hemm il-monti li dwaru l-Gvern għad m’għandux data tat-trasferiment lejn it-Triq bejn il-bini tal-Parlament il-ġdid u s-sit tat-teatru rjal.

Dan ikkonfermah, il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru Chris Cardona fil-Parlament wara mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Joe Cassar.