Internazzjonali

AĠĠORNATA: ‘Jinħarqu l-għexieren tan-nies’ mill-ISIS fl-Iraq

Ħadd ma jaf ir-raġuni għal qtil tal-massa li jingħad li twettaq mit-terroristi tal-ISIS fl-Iraq u fost rapporti li nħarqu l-għexieren tan-nies, inklużi membri tal-qawwiet tas-sigurta, fil-belt ta’ Al-Baghdadi.

Qed jingħad li hemm talanqas 45 vittma li l-identitajiet tagħhom ma kenux speċifikati u meta s-sorsi tal-aħbarijiet qed jistennew aktar dettalji.

Il-ġellieda tal-ISIS, il-ġimgħa l-oħra, kienu ħatfu nħawi sħaħ ta’ Al-Baghdadi li tinsab qrib il-bażi tal-ajru ta’ Ain al-Asad.

Fil-fatt, l-aħħar rapporti mill-inħawi semmew l-attakki kontinwi fuq kumpless fejn qed jgħixu l-familji tal-qawwiet tas-sigurta Iraqqin u l-uffiċjali lokali. Mifhum li l-awtoritajiet lokali talbu l-għajnuna mill-Gvern Iraqi u mingħand il-komunita internazzjonali.

Is-sistemi fqar għall-komunikazzjoni f’dawn l-inħawi jagħmluha diffiċli biex wieħed jikkonferma r-rapporti.

Madankollu, l-aħħar rapporti fakkru mal-ewwel fil-filmat li l-ISIS kienu ppubblikaw, ġimgħat ilu u fejn it-terroristi dehru jaħarqu ħaj pilota tal-Ġordan li l-ajruplan militari tiegħu kien ikkraxxja fis-Sirja, f’Diċembru li għadda.