Politiku ġentlom u mudell kif il-politiċi għandhom jagħtu kontribut lis-soċjetà
Il-Parlament illejla sellem lill-eks-Ministru Michael Refalo li tfisser mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil bħala l-politiku li poġġa l-pedament tal-industrija moderna tat-turiżmu.
Il-Gvern u l-Oppożizzjoni esprimew fehmiet pożittivi dwar il-kontribut politiku u soċjali li ta Michael Refalo fil-karriera politika tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sellem lill-familjari ta’ Michael Refalo li kienu preżenti fil-Parlament u qal li Michael Refalo ta kontribut fil-ħajja pubbliku. Kien hu li poġġa l-pedament tal-industrija moderna tat-turiżmu, sostna Simon Busuttil, li semma l-kontribut li ta Michael Refalo fil-ħajja komunitarja u anki fil-qasam internazzjonali bħala Kummissarju Ogħli ta’ Malta għall-Ingilterra.
Michael Refalo ta kontribut f’mumenti diffiċli għad-demokrazija u l-libertà fil-pajjiż u kien fuq quddiem fil-ġurnaliżmu f’dawn iż-żminijiet.
Simon Busuttil qal li Michael Refalo rabat it-turiżmu mal-ambjent u kompla li Michael Refalo enfasizza l-importanza tal-immaniġġjar fis-settur turistiku.
Michael Refalo kien il-politiku li saħħaħ lis-settur privat fit-turiżmu u rnexxielu jiftaħ niċeċ ġodda għas-settur.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li nħareġ ktejjeb għall-okkażjoni u sostna li hu kien jaf lil Michael Refalo qabel daħal fil-parlament. Hu kien dejjem ġentlom u tal-kelma waqt li kien komdu jaħdem ma’ kulħadd. Michael Refalo kien bniedem maħbub, sostna l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar il-karriera politika ta’ Michael Refalo li fiha kkontesta għaxar elezzjonijiet u għamel 33 sena fil-Parlament. Hu semma l-kontribut politiku u ġurnalistiku ta’ Michael Refalo fejn qaleb għall-Ingliż il-ktieb ‘Rajt Malta Tinbidel’ u tahom l-isem ta’ ‘My Century’.
Filwaqt li semma l-kontribut ministerjali ta’ Michael Refalo, il-Ministru Bartolo qal li Michael Refalo kellu sens ta’ umoriżmu impressjonanti. Hu kompla li Michael Refalo kien politiku leali, ġust u dedikat u sellimlu għall-kontribut politiku kbir li ta lil dan il-pajjiż.
//= $special ?>