Qorti

Multa ta’ €4,000 u sentenza sospiża għal Somalu li ħebb għall-Pulizija

Somalu ta’ 25 sena, li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, ġie mmultat €4,000 u kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li fit-13 ta’ Diċembru li għadda, fil-Marsa stess, ħebb għas-Surġent Christopher Debono u kkaġunalu ġrieħi ħfief fuq spalltu.

Hussen Abdi Rahman Hassan instab ħati li intimida lis-Surġent u li pprova ma jħallihx jagħmel xogħlu u jaqdi dmirijietu. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, meta ż-żagħżugħ ipprova jwettaq vjolenza fil-konfront tiegħu, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, tkellem ħażin u għamel ġesti oxxeni, kiser il-paċi pubbliku u kien fis-sakra, b’tali mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Mill-provi rriżulta li dakinhar is-Somalu kien fis-sakra fejn dejjaq xi persuni li kienu fit-triq. Mill-provi ta’ uffiċjal tal-Pulizija, jidher li kien hemm mara li marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa fejn qalet li kien hemm raġel Afrikan li beda jisfida lil kull min jara.

Ħareġ li meta s-Surġent Debono mar fil-post u sikket lis-Somalu, dan kompla jgħajjat u beda jgħidlu li ma riedx jiskot u jekk irid iwaqqfu, kellu joqtlu.

Beda jkellem ħażin lill-Pulizija waqt li deher fis-sakra u saħansitra rema’ kartuna tal-inbid u tazza li kien qed jixrob minn ġewwa fiha.

F’ħin minnhom is-Surġent ipprova jieħu l-kartuna tal-inbid u t-tazza lill-imputat, iżda s-Somalu rrifjuta u naqas li jikkopera mal-Pulizija.

Is-Surġent Debono ipprova jieħdu l-Għassa tal-Pulizija, iżda dan ħebb għalih billi tah daqqa u beda jirreżisti. Kien dak il-ħin li l-pulizija weġġa’ spalltu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mary Edel Camilleri.