Keith Cassar ta’ 24 sena minn Birkirkara ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u kellu l-liċenzja tiegħu sospiża għal erba’ snin wara li ammetta li nvolontarjament qatel lil Joseph Portelli ta’ 52 sena mill-Marsa f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Marzu ta’ sentejn ilu.
Cassar kien qed isuq BMW għall-ħabta tas-6.45 a.m. fejn ipprova jaqbeż karozza u spiċċa man-naħa l-oħra tat-triq u deher li kien se jaħbat ma’ Toyota Vitz ta’ Portelli, b’dan ta’ l-aħħar jipprova jevita l-ħabta u baqa’ dieħel fil-ħajt tal-akwadott fi Triq il-Kbira San Ġużepp, f’Santa Venera.
Il-vittma miet fit-28 ta’ Marzu tal-2013, jumejn wara li kien issielet għal ħajtu.
Irriżulta li fil-ħin tal-inċident Cassar kien taħt l-effett tad-droga. Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom qed jinstab ħati l-imputat u min-naħa l-oħra l-kondotta ta’ Cassar li hija kważi netta.
Il-Qorti ħadet ukoll in kondsiderazzjoni ukoll il-fatt li fil-perjodu li seħħ l-inċident huwa kellu problema tad-droga pero b’l-għajnuna ta’l-uffiċjal tal-probation qed jindirizza din il-problema b’mod effettiv u jidher li għamel kambjamenti pożittivi.
Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni ukoll dak li ngħad mill-membri tal-familja tal-vittma, dik li la darba Cassar qed jirriabilita lilu nnifsu u sakemm huwa jibqa jieħu l-kura li għandu bżonn jkunu sodisfatti b’sentenza sospiża. Dak inhar kienu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jintervjenu biex joħorġu lil Portelli mit-tifrik.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, Cassar ammetta li b’nuqqas ta’ hsieb, bi traskuragni, jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew professjoni ikkaġuna l-mewt ta’ Joseph Portelli u li għamel ħsara fuq il-karozza tiegħu bl-intervent tiegħu, li saq il-karozza tiegħu b’mod perikoluż, li ma kienx f’kundizzjoni li jsuqha minħabba li kien taħt l-effett tad-droga, li ma ħax il-prekawzzjonijiet meħtieġa meta kien qed jaqbeż’ karozzi oħrajn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Geoffrey Azzopardi.