Lokali

L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern jingħaqad fil-koalizzjoni kontra l-ISIS

L-Oppożizzjoni hi favur kull azzjoni biex il-Libja ma tispiċċax f’idejn gruppi terroristiċi u appellat lill-Gvern jingħaqad fil-koalizzjoni kontra l-ISIS mill-iktar fis.

Dan l-appell sar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament meta wieġeb għal stqarrija ministerjali li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat biex jaġġorna lill-Kamra tad-Deputati dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, l-aħħar Summit informali tal-UE u l-kwistjoni tal-Greċja.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni hi favur intervent min-Nazzjonijiet Uniti biex ma tikbirx it-theddida tat-terroriżmu. Idealment din l-inizjattiva għandu jkollha l-appoġġ taż-żewġ naħat fil-Libja.

Quddiem dan l-appell tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li Malta qed tinsisti li l-politika barranija tagħha tfassalha hi, u li l-kwistjoni mhix jekk wieħed hux favur jew kontra l-koalizzjoni, imma meta Malta se tingħaqad, u kif. Il-Gvern Malti se jieħu d-deċiżjoni meta jidhirlu li jkun l-aħjar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li sfortunatament il-Libja tinsab f’anarkija u hi stat li falla. Dan qed iseħħ wara bieb Malta u hi sitwazzjoni inkwetanti għall-poplu Malti. Semma kif fl-aħħar jiem sar magħruf li l-ISIS jew organizzazzjoni simili, qed tieħu kontroll ta’ qagħdiet u bliet fil-Libja. Dan hu preokkupanti ħafna, sostna Simon Busuttil, li kompla li dan qed isir wara li sar attakk fuq interessi Maltin fi Tripli.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li hemm 62 pajjiż fosthom pajjiżi Musulmani u Għarab, ħlief Malta, li ngħaqdu f’koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS. Filwaqt li semma l-qtil brutali ta’ 21 Nisrani Eġizzjan fil-Libjani mill-ISIS, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni fuq dak li seħħ hi ċara.

L-Oppożizzjoni tikkundanna kull att terroristiku bla ebda riservi. Il-poplu Malti għandu jingħata garanzija li m’hemmx theddida għal pajjiżna u għalhekk l-Oppożizzjoni tilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li m’hemmx theddid għal Malta.

Simon Busuttil kompla li r-rwol ta’ Malta għandu jkun ta’ natura umanitarja fejn meħtieġ. Malta diġà għandha esperjenza fir-rivoluzzjoni tal-Libja meta twaqqa’ Gaddafi. Fuq livell ta’ UE, il-Gvern għandu juri tmexxija u jwassal lill-UE biex tieħu pożizzjoni komuni dwar il-Libja u biex Malta ma tkunx waħidha.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni issa hi li fil-Libja hemm kontroll ta’ tliet entitajiet, li huma l-gvern rikonoxxut internazzjonalment ta’ Tobruk, il-gvern ta’ Tripli u preżenza ta’ gruppi estremisti bla affiljazzjoni diretta ma’ dawn il-gvernijiet li avvanzaw u ħatfu l-Port ta’ Derna u anke Sirte li hi importanti għaliex kienet il-kapitali amministrattiva Libjana.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern Malti m’għandux informazzjoni li tindika li Malta hi fil-mira ta’ xi attakki li joriġinaw mil-Libja jew minn xi bandi oħra.

Ir-rwol ta’ Malta bħala pont ta’ paċi hu li tkun il-vuċi tal-moderazzjoni fil-Mediterran, waqt li fakkar li għada se ssir laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li għandha tibgħat messaġġ lil-Libjani li fadal ftit ħin biex jilħqu ftehim bejniethom, u jekk dan ma jsirx ikun hemm intervent min-Nazzjonijiet Unit.

Fid-diskussjoni tkellmu wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, Tonio Fenech.