Alfred Camilleri ta’ 63 sena mill-Belt, residenti Marsalforn, Għawdex u magħruf bħala “Iż-Żundajru” li fid-9 ta’ Marzu għandu jibda għaddej ġuri akkużat b’importazzjoni ta’ 9,500 pillola ecstasy ressaq riskors b’urġenza fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, biex dan il-ġuri ma jinstemax għalissa.
Huwa għamel din it-talba biex il-ġuri ma jsirx sakemm jiġu deċiżi l-proċeduri Kostituzzjonali li ppreżenta fejn qed jilmenta li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu, wara li l-Qorti Kostituzzjonali, skont hu tat sentenzi konflinġenti dwar l-assistenza legali fl-istadju tal-arrest.
Il-Prosekuzzjoni, li minn informazzjoni li għandna se tirribatti l-każ fuq diversi binarji fosthom dik li Camilleri kull darba qed jipprova jagħmel minn kollox biex itawwal iż-żmien u biex il-ġustizzja ma tieħux il-kors naturali tagħha, qed tgħid li d-9,500 pillola ecstasy kienu waslu mill-Ingilterra u kienu mibgħuta minn ċertu Marcelle Agius, li wkoll huwa residenti Għawdex u mistenni jgħaddi ġuri fix-xhur li ġejjin. L-ecstasy kien moħbija f’mera li kienet importata f’Malta, bil-Pulizija Maltija 2006 jikkordinaw pjan biex jaqbdu din id-droga.
Maż-Żundajru, kien tressaq ukoll Mario Abdilla, wkoll mill-Belt u li bħal Camilleri u Agius kien involut fin-negozzju ġewwa Soho, l-Ingilterra. Il-pulizija kienet ingħatat informazzjoni dwar traffikar ta’ droga minn dan Mario Abdilla, li llum għandu 62 sena u li kien ammetta l-involviment tiegħu fil-każ u mar 15-il sena ħabs.
Jirrizulta li bl-intervent tal-Maġistrat, saret “controlled delivery” ta’ kaxxa li waslet f’Malta bl-ajru b’titjira minn Londra. Il-kaxxa nfetħet mill-pulizija u fiha kien hemm mera u fuq wara nstabu ammonti ta’ pilloli li li kienu ecstasy.
Fuq ordni tal-Maġistrat inkwerenti, l-pilloli tneħħew u kollox tqiegħed fl-istat li kien qabel infetħet il-kaxxa. Minn hemm ‘il quddiem il-pulizija kienet qegħda tosserva l-movimenti tal-kaxxa, li jirriżulta li fis-7 ta’ Settembru 2006 ittieħdet minn Mario Abdilla u Alfred Camilleri mill-ufficcju ta’ Thomas Smith Group, Triq San Kristoferu, l-Belt għal dar fl-istess triq li fil-kors tal-investigazzjoni rriżulta li fiha kienet tgħix omm Camilleri.
//= $special ?>