Gvern li fil-Baġit ħeba lista twila ta’ tariffi ġodda, żieda fit-taxxi u żidiet fil-ħlasijiet tas-servizzi tal-Gvern
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jinduna bil-piż kbir tat-taxxa fuq it-tires u li qed jitfa’ fuq sidien u ħaddiema ta’ inġenji kbar bħalma huma trakkijiet, gaffef u krenijiet.
Bit-taxxa fuq it-tires ta’ 70ċ għal kull kilo tire, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li issa se titħallas taxxa ħafna ogħla, u f’każ ta’ vetturi kbar, bħalma huma trakkijiet, krejnijiet, gaffef u inġenji kbar, il-piż tat-taxxa se jkun ħafna akbar u bi spejjeż kbar għal min jaħdem b’dawn l-inġenji u vetturi li jirrikjedu tibdil ta’ tires regolarment.
Il-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u Investimenti tal-Gvern, Ċensu Galea, appella fil-Parlament lill-Gvern biex jinduna bil-piż kbir li qed jitfa’ fuq dawn il-ħaddiema, u appella biex jirrimedja u jgħin lil dawk l-aktar fl-industrija tal-kostruzzjoni li qal li qed tgħaddi minn perjodu diffiċl u negattiv.
Dan ma jfissirx, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, li din l-industrija ma tkunx regolata iżda saħaq li hu importanti li jkun hemm inizjattivi biex l-industrija tgħaddi minn żminijiet tajba.
Ċensu Galea, għamel dawn l-appelli waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed jimplimenta l-miżuri tal-Baġit.
Ċensu Galea qal li kuntrarju għall-impressjoni li ta l-Gvern fid-diskors tal-Baġit dwar dak li sejjaħ bħala żieda relattiva fil-fees of office, u li ż-żieda kienet se tkun minima u mhux wisq inkwetanti; issa l-Gvern qed jippreżenta aktar minn mitt faċċata ta’ servizzi b’żidiet li qed jolqtu lil ħafna.
Fisser li l-Abbozz ta’ liġi jaħbi ħafna minn dak li qed jimplimenta l-Gvern għaliex ftit tista’ tirrealizza kif qed jinbidlu t-tariffi fil-lista twila mifruxa fuq aktar minn mitt paġna.
Fakkar li ż-żieda fit-taxxi u fit-tariffi fis-servizzi tal-Gvern iddaħħlu minn l-ewwel ġurnata ta’ din is-sena, u li ħafna għadhom ma rrealizzawx, għaliex ċerti servizzi li fuqhom hemm iż-żidiet, tiġi bżonnhom mhux fl-immedjat.
Semma kif il-Gvern qed jimponi żieda fuq il-poloz tal-assigurazzjoni u ż-żieda wkoll fuq il-kirjiet tal-krenijiet bl-iskuża li jonqos il-perjodu ta’ ħin tal-krejnijiet fit-toroq.
Dwar l-estensjoni tal-iskema għal min ikun qed jixtri l-ewwel prorpjetà, u li dan il-Gvern iddikjara li din l-iskema ma tistax tibqa’ għal dejjem, Ċensu Galea qal li din l-iskema għandha tapplika wkoll għal min għandu garaxx jew qabar, għaliex fisser li fil-preżenti, min għandu qabar jew garaxx l-iskema ma tapplikax għalih. Staqsa wkoll x’inhu l-impatt tat-twaqqif ta’ din l-iskema, u jekk din hix se tħalli impatt negattiv.
Semma wkoll il-miżuri fuq il-ħlas tat-taxxa fuq trasferimenti ta’ proprjetajiet u qal li r-reazzjoni ġenerali hi negattiva. Dawk involuti fis-settur qed jgħidu li din hi miżura li mhux se tinċentiva iżda tifga l-proċess.
Appella wkoll lill-Gvern jiċċara l-ħlasijiet ta’ taxxa li għandhom isiru fuq is-sigaretti, u dan biex tkun aktar ċara l-pożizzjoni u l-interpretazzjoni dwar kif għandhom jiżdiedu t-tariffi. Dan biex ma jkunx hemm konfużjoni kif kien il-każ is-sena li għaddiet b’diversi jkunu l-allegazzjoniijiet ta’ abbużi fil-ħlasijiet ta’ din it-taxxa.
Dwar iż-żieda ta’ kważi 50% fil-ħlasijiet tat-tiġdid tal-passaporti għal dawk li jkunu jridu jagħmlu dan bejn April u Awwissu, Ċensu Galea appella lill-Gvern jemenda din il-miżura, jirrealizza l-iżball, u jbiddel din il-miżura.
Ċensu Galea kkonkluda li l-implimetazzjoni tal-miżuri tal-baġit hu abbozz li l-poplu kollu jkun affettwat, u awgura li sena oħra, il-bidleit ikunu indikati b’mod ċar u mhux kif għamel dan il-Gvern li l-abbozz ma jindikax kif qed jinbidlu l-affarijiet.
//= $special ?>