Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Bin Han, ta’ 46 sena, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Leisure Clothing, u Liu Jia, ta’ 32 sena, Direttur tal-Marketing tal-istess kumpanija, jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Iċ-Ċiniżi tressqu l-Qorti fid-19 ta’ Novembru li għadda, mixlijin bi sfruttament ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u traffikar ta’ persuni ta’ nazzjonalità Vjetnamiża u Ċiniża. Huma qed iwieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Għall-ewwel il-Qorti ma kinitx ċerta jekk fuq l-akkuża ta’ traffikar ta’ persuni kienx hemm provi biżżejjed. Kien għalhekk li l-Qorti damet ma tat id-deċiżjoni prima facie dwar il-każ.
Bin Han, residenti San Ġwann, u Liu Jia, residenti Birżebbuġia, qed jiġu mixlija b’miżappropjazzjoni, dik li dawwru profitt għalihom b’mod illeċtu mis-salarji tal-ħaddiema għad-dannu tagħhom, li allegatament kienu sfruttati billi ma tħallsux skont il-liġi.
Kienet milqugħa wkoll it-talba tal-Prosekuzzjoni li jiġu ffriżati l-assi u l-propjetà tal-akkużati. Id-Diretturi tal-kumpanija qed ikunu mixlijin li sfruttaw mill-anqas disa’ ħaddiema fid-29 ta’ Ottubru u fix-xhur u fis-snin ta’ qabel.
B’kollox, iż-żewġt irġiel huma mixlijin b’disa’ akkużi. L-Ispettur Busuttil qed jikkontendi li n-natura tar-reati li bihom qegħdin jiġu mixlija għandhom iwasslu biex dawn jgħaddu ġuri.
Fost l-oħrajn, huma akkużati wkoll li bi vjolenza u theddid, inkluż is-serq ta’ persuna, b’qerq u b’ingann irċevew ħlasijiet biex ikollhom il-kontroll fuq il-ħaddiema. Huma akkużati wkoll li fil-kwalità tagħhom ta’ Diretturi, naqsu li jħallsu l-paga dovuta għall-perjodu ta’ bejn it-22 ta’ Novembru, 2013 u l-25 ta’ Lulju li għadda, li tammonta għal €5,841.36ċ, u naqsu li jħallu l-allowance ta’ kull ġimgħa għall-perjodu ta’ bejn it-22 ta’ Novembru 2014 u l-31 ta’ Marzu, 2014 li jammontaw għal kważi €89.
Id-Diretturi jinsabu mixlijin ukoll li naqsu li jħallsu l-bonus statutorju bejn it-22 ta’ Novembru, 2013 u t-30 ta’ Ġunju li għadda li jammonta għal ftit aktar minn €164, u naqsu li jħallsu lill-ħaddiema s-sahra dovuta tas-Sibtijiet, Ħdud u fest pubbliċi li tammonta għal aktar minn €1,700 u sahra oħra li taqbeż il-€15,000 u li dan ukoll jinkludi l-ammont ta’ bolla mhux imħallsa.
Kien hemm ukoll ħlasijiet oħra li jammontaw għal eluf ta’ ewro fil-konfront tal-ħaddiema li baqgħu ma tħallsux.
L-akkużati kienu tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras bil-kumpilazzjoni tgħaddi f’idejn il-Maġistrat Carol Peralta li sema’ diversi xhieda fil-każ, fosthom diversi ħaddiema. L-Avukati Pio Valletta u Edward Gatt qed jidhru għall-akkużati u l-kumpanija filwaqt li l-Avukati Lara Lanfranco, f’isem l-Avukat Ġenerali, u l-Ispettur Joseph Busuttil u Silvana Briffa qed imexxu l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>