Internazzjonali

FILMAT: Konvoj tal-ISIS fit-toroq Libjani

Filmat li ħareġ fuq l-internet juri flotta ġdida ta’ Toyota Land Cruisers iġorru bnadar tal-ISIS hekk kif jinstaqu qisu f’carcade fit-toroq aktarx ta’ Bengażi.

Irġiel, nisa u tfal jidhru jxejru lis-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi li jidher li qed jinstaqu fit-toroq ta’ Bengażi. Il-filmat, li hu evidenti li nħadem apposta biex iservi ta’ propaganda, ittella’ fuq l-internet mill-grupp terroristiku Ansar al-Sharia, alleat tal-ISIS u li fil-5 ta’ Frar. Is-sena li għaddiet, Ansar al-Sharia ddikjara l-affiljazzjoni tiegħu mal-Istat Iżlamiku u iktar tard, in-Nazzjonijiet Uniti poġġietu fuq il-lista s-sewda ta’ gruppi terroristiċi. Hu l-istess grupp li l-Istati Uniti tqis li wassal għall-mewt tal-ambaxxatur tagħha Christopher Stephens f’Bengażi fl-2012. Din il-ġimgħa stess, ġie assoċjat mal-qtil tal-21 Nisrani Eġizzjan fuq xtajta fil-Libja.

Fil-Libja qed tikber it-tensjoni hekk kif ħarġet l-aħbar li 35 Eġizzjan ieħor inħatfu mill-militanti fil-pajjiż, probabbli bħala reazzjoni għall-attakki tal-Eġittu wara l-qtil tal-21 Nisrani.