Futbol Sport

Filmat: Partitarji ta’ Chelsea involuti f’inċident razzista

Filmati mxandra mis-sit ta’ The Guardian juru partitarji ta’ Chelsea ma jħallux raġel ta’ karnaġġjon sewda jitla’ fuq il-metro ta’ Pariġi. Fil-filmat, li nġibed bil-mobile, ir-raġel jidher ripetutament jipprova jitla’ fuq il-metro, li kienet mimlija, u jiġi mbuttat ‘il barra.

Grupp ta’ nies jinstemgħu anke jkantaw “Aħna razzisti, aħna razzisti u hekk irridu nkunu”. L-inċident seħħ qabel il-partita miċ-Champions League f’Pariġi, bil-klabb ta’ Chelsea jgħidu li kienu se jgħinu lill-Pulizija. Il-klabb qal li l-partitarji involuti se jkunu sospiżi.

L-inċident seħħ fl-istazzjon Richelieu-Drouot, fiċ-ċentru tal-kapitali Franċiża, fejn jinstema’ wkoll persuna tgħajjat “Chelsea, Chelsea, Chelsea”.

Paul Nolan, li ġibed il-filmat, qal li kienet “xena kerha u aggressiva ħafna”. Spjega li minbarra kant razzista, sema’ wkoll lil xi ħadd isemmi t-Tieni Gwerra Dinjija. Qal li l-persuna li pprova jitla’ fil-metro kien kompletament maħsud b’din l-attitudni u wisq probabbli ma jafx min kienu dawk in-nies.

Kelliem għal Chelsea qal li l-attitudni tal-partitarji “m’għandiex postha fil-futbol” u jekk ikun hemm provi li dawk involuti għandhom season ticket jew huma membri tal-klabb, se jittieħdu passi dixxiplinari kontrihom, inkluż sospensjoni.

Ġimgħa wara li l-eks kowċ ta’ Milan Arrigo Sacchi qal li kien hemm “wisq suwed” fil-kategoriji tal-Youths fl-Italja, il-President tal-FIFA Sepp Blatter irrisponda fuq Twitter. “Il-kburija u l-unur mhumiex kwistjoni ta’ kulur tal-ġilda. Ninsab maħsud b’dak li rajt f’Pariġi u bil-kummenti ta’ Sacchi. Ieqfu issa. Mhemmx lok għar-razziżmu fil-futbol”, kiteb Blatter.

Min-naħa tagħha, filwaqt li kkundannat dan l-aġir fil-metro f’Pariġi, il-UEFA qalet li minħabba li l-inċident seħħ barra mill-istadium, ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet lokali li jridu jieħdu l-passi.