Internazzjonali

Għaddasa jsibu teżor ta’ muniti tad-deheb fil-Mediterran

Madwar 2,000 munita tad-deheb li għandha iktar minn 1,000 sena nstabu f’qiegħ il-baħar Mediterran, qrib l-Iżrael, minn grupp ta’ għaddasa.

Għall-ewwel, l-għaddasa ħasbu li dawn il-muniti kienu ta’ biċ-ċajt imma rrealizzaw xi skoperta kienu għadhom kemm għamlu ftit wara.

L-Awtorità tal-Antikitajiet Iżraeljana qalet li t-teżor li nstab m’għandux prezz.

Il-muniti huma ta’ żmien il-Kaliffat Fatimid, li ħakem parti sostanzjali mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq bejn is-sena 909 u l-1171.

Id-direttur tat-taqsima tal-arkeoloġija marittima fi ħdan l-Awtorità tal-Antikitajiet Iżraeljana qal li issa se jsir tħaffir fiż-żona fejn instabu l-muniti bit-tama li jsibu iktar fdalijiet b’rabta mal-oriġini tat-teżor. Jaħseb li kien hemm bastiment uffiċjali li kien sejjer lejn il-gvern ċentrali ta’ dak iż-żmien fl-Eġittu, li għereq, probabbli bi flus ta’ taxxi li kien ġabar. Teorija oħra hi li t-teżor kien ta’ vapur merkantili li kien biegħ xi oġġetti fi bliet madwar il-kosta tal-Mediterran.

B’kollox, it-teżor jiżen 9 kilogrammi. Issa hu propjetà tal-istat u ma kienx marbut ma’ xi forma ta’ kumpens jew rigal għas-sejba tagħhom.