Ġuri dwar omiċidju li kien seħħ fl-2005 fejn il-katavru tal-vittma baqa’ma nstabx, u li l-każ kellu jinstema quddiem l-Imħallef Michael Mallia nhar it-Tnejn li ġej ġie differit “sine-die” wara talba biex l-akkużat u l-kompliċi jgħaddu ġuri flimkien u mhux b’mod separat.
Il-ġuri li kellu jibda nhar it-Tnejn, 23 ta’ Frar, fejn kien se jkun akkużat Piero Di Bartolo ta’ 40 sena, Sqalli li jgħix Malta u li jinsab mixli bil-kompliċita fil-qtil ta’ Albert Brian Rosso minn Marsaxlokk fl-10 ta’ Ottubru tal-2005.
L-Imħallef Mallia laqa’ t-talba li saret l-Avukat Ġenerali li l-ġuri isir konġunt, jiġifieri jgħaddu ġuri flimkien, Piero di Bartolo u Anthony Bugeja, dan ta’ l-aħħar mixli bl-omiċidju ta’ Rosso.
Minn naħa tagħha d-difiża ta’ Piero Di Bartolo mistennija tippreżenta talba l-Ħamis filgħodu biex l-Imħallef Mallia jirrevoka d-digriet tiegħu stess. L-Avukat Roberto Montalto qed jikkontendi li għal snin sħaħ l-Avukat Ġenerali dejjem ried li l-każ ikun separat, u mhux sew issa lejliet il-ġuri, l-istess Avukat Ġenerali jiddeċiedi li jbiddel fehmtu u jitlob li l-ġuri jsir konġunt.
L-Avukat Montalto mistenni wkoll jgħid fit-talba tiegħu li aktar minn disa’ snin ta’ każ pendenti jixraq li finalment issa jgħaddi għall-ġudizzju. Huwa mistenni jitlob ukoll lill-Qorti Kriminali li tista’ tirreferi dan il-punt lill-Qorti Kostituzzjonali.
Fil-ġuri Di Bartolo kellu jiġi mixli bi tliet Kapi ta’ Akkuża. Kompliċita’ tal-qtil ta’ Rosso, li ħeba l-kadavru tiegħu u li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar waqt li seħħ l-omiċidju.
Il-każ skont l-akkużi maħruġin mill-Avukat Ġenerali seħħ meta fl-10 ta’ Ottubru tas-sena 2005 u f’xi ħin filgħodu Anthony Bugeja ċempel lil Albert Brian Rosso biex jmur ħdejn d-dar tieghu Marsaxlokk, fejn kien hemm ukoll Piero Di Bartolo, biex jiddiskutu xi problemi li kellhom dwar in-negozju li kellhom dwar l-iskuna tas-sajd Desiree li kienet porprjeta’ ta’ Rosso u Bugeja, u li fuqha kien jaħdem Di Bartolo.
Id-diskussjoni marret ħażin u f’mument minnhom Bugeja u Piero Di Bartolo iddeċidew li jsolvu l-problema billi joqtlu lil Albert Brian Rosso. Anthony Bugeja mar ġab arma tan-nar u spara diversi tiri lejn Rosso bil-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħedlu ħajtu f’periklu ċar, u dan fil-preżenza u bi ftehim ma’ Piero Di Bartolo. Albert Brian Rosso miet., u għalhekk b’għemilhom Bugeja u Piero Di Bartolo saru ħatja t’omiċidju volontarju.
L-akkuża tgħid ukoll li huma kienu daħħlu l-katavru fi xkora u ħaduh ħdejn luzzu li fuqu għabbew xi knatan li rabtu mal-katavru u ħarġu il-barra fuq il-baħar ħdejn il-Freeport, f” Marsaxlokk, fejn irmew il-ġisem mejjet ta’ Albert Brian Rosso u dan bl-intenzjoni li jaħbu id-delitt ta’ omiċidju. Il-Prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Piero Di Bartolo qed titmexxa mill-Avukat Philip Galea Farrugia. Kemm Di Bartolo kif ukoll Bugeja qegħdin iwieġbu mhumiex ħatja li kellhom x’jaqsmu mal-każ.
//= $special ?>