Kurżitajiet

Iben Jackie Chan jagħmel apoloġija wara li skonta sentenza l-ħabs dwar droga

Iben l-attur Jackie Chan għamel apoloġija lill-pubbliku u talab opportunità oħra biex jirriforma ruħu wara li ħareġ mill-ħabs fejn kien għall-aħħar sitt xhur minħabba li ħalla lil xi nies jużaw il-ħaxixa fl-appartament tiegħu.

Jaycee Chan ta’ 32 sena, li hu wkoll attur, qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet f’Beijing waqt li spjega li se jerġa’ jagħti l-attenzjoni ta’ ħajtu lill-familja u lill-karriera tiegħu. Jaycee Chan qal li ma kellu ebda skuża u ebda raġuni għall-atteġġjament tiegħu li wassal għall-arrest tiegħu flimkien ma’ attur ieħor, mit-Tajwan, u ħbieb tagħhom.

Missieru, Jackie Chan, hu ambaxxatur ta’ kontra d-droga għaċ-Ċina. Waqt li hu wkoll għamel apoloġija lill-pubbliku, qal li se jgħin lil ibnu biex joħroġ mill-problema u jerġa’ jibni ħajtu.

Jaycee Chan u l-attur Tajwaniż instabu pożittivi għad-droga meta l-Pulizija żammitilhom iktar minn 100 gramma tad-droga. Chan seta’ jingħata sentenza sa tliet snin ħabs, imma l-Qorti kienet ħanina miegħu wara li ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Chan ixxandret b’mod dirett fuq l-istazzjon televiżiv tal-istat Ċiniż, CCTV, b’turija tal-propoganda li jrid jieħu l-Gvern Ċiniż għall-ġlieda tiegħu kontra d-droga.

Skont esperti Ċiniżi, l-arrest ta’ Chan kien parti minn kampanja iktar wiesgħa tal-Gvern Ċiniż kontra l-immoralità, inkluż kontra l-prostituzzjoni u l-kummerċ tad-droga. Fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 53% f’investigazzjonijiet dwar droga f’Beijing għal iktar minn 1,800 każ.

Jaycee Chan trabba f’Los Angeles u s’issa deher f’madwar 20 film, ħafna minnhom produzzjonijiet Ċiniżi jew minn Hong Kong. Fil-konferenza stampa, Chan qal li l-ewwel darba li uża l-ħaxixa kien tmien snin ilu fi vjaġġ fl-Olanda, imma beda jeħodha b’mod regolari madwar sentejn ilu.

L-arrest tiegħu poġġa l-karriera tiegħu f’periklu speċjalment wara li diversi kumpaniji Ċiniżi qalu li huma jirrifjutaw li jimpjegaw artisti li jkunu nqabdu jużaw id-droga.