Il-Greċja l-Ħamis se tagħmel talba uffiċjali lill-Unjoni Ewropea estensjoni ta’ sitt xhur għas-self li kienet ingħatat.
Imma fl-istess ħin, uffiċjali Griegi qed jinsistu li din mhix se jkun estensjoni tal-ftehim għall-bailout li kien sar u li jinkludi miżuri stretti ta’ awsterità, imma għall-ħlas tas-self.
It-Tnejn, il-Gvern il-ġdid Grieg warrab pjan biex jiġġedded il-bailout ta’ 240 biljun ewro. Jekk ma jkunx hemm ftehim sal-aħħar ta’ Frar, hemm probabbiltà kbira li l-Gvern Grieg jispiċċa bla flus.
Yanis Varoufakis, il-Ministru tal-Finanzi Grieg, qal li Ateni trid estensjoni biex ikollha stabbiltà biżżejjed ħalli tkun tista’ tinnegozja ftehim ġdid mal-Ewropa.
Iżda Wolfgang Schaeuble, il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż, għamilha ċara li ma kienx jaqbel mal-proposta Griega u għal darb’oħra insista li l-Greċja trid tonora l-obbligi tagħha.
Issa hemm stennija għad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) dwar jekk għandux ikompli jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza lill-banek Griegi. Sorsi qed isostnu li l-Ġermanja qed tagħmel pressjoni biex dan ma jsirx. Dan fi sforz li tikkonvinċi lill-Greċja ġġedded il-ftehim tal-bailout.
Iz-zona ewro tat sa nhar il-Ġimgħa ċans lill-Greċja biex tiddeċiedi tkomplix bil-ftehim preżenti tal-bailout. Imma l-Greċja trid li minflok il-bailout ikun hemm ftehim ġdid ta’ self biex tingħata ċans issib soluzzjoni permanenti għall-kriżi tad-dejn.
Għall-Ġimgħa, Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Grieg, sejjaħ għal vot fil-Parlament dwar jekk il-pajjiż għandux iżomm il-programm ta’ awsterità tal-bailout – l-istess ġurnata li fiha jiskadi l-ultimatum taz-zona ewro.