Il-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern s’issa mhux qed iwasslu biex it-tfal l-aktar vulnerabbli jgawdu minn edukazzjoni sħiħa skont il-bżonnijiet tagħhom
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jindirizza l-assenteiżmu tat-tfal fl-iskejjel, billi jsaħħaħ ir-riżorsi li jkun hemm bżonn fil-klassi u fl-iskejjel, u bi programm li permezz tiegħu tingħata attenzjoni personalizzata lil tfal li jirritornaw l-iskola wara żmien twil ta’ assenteiżmu.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, George Pullicino, qal meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, li l-Kulleġġi m’għandhomx biżżejjed Prefects of Discipline u li hemm kważi biss nofs dak li suppost hemm. Il-policy l-ġdida trid tkun akkumpanjata b’investiment f’personnel biex jagħmel il-monitoring neċessarju fuq dawn it-tfal.
Il-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern dwar l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel s’issa mhux qed iwasslu biex it-tfal l-aktar vulnerabbli jkunu jistgħu jgawdu minn edukazzjoni sħiħa skont il-bżonnijiet tagħhom.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel li hemm bżonn iktar infurzar fl-attendenza ta’ dawk it-tfal li jfallu l-iskola b’mod regolari u mhux awtorizzat, madankollu dan ma jfissirx li l-inizjattivi li għandhom jittieħdu biex titjieb ir-rata tal-attendenza għandha tkun biss waħda ta’ infurzar.
Semma kif ftit xhur ilu, il-Gvern kien ħabbar li familji li jaqilgħu inqas minn €11,000 fis-sena se jingħataw €400 fis-sena għal kull wild sal-ewwel tliet ulied, u €200 għal kull wild wara t-tlett itfal.
George Pullicino kkritika li b’din il-miżura t-tfal fl-istess familji mhux qed jiġu trattati l-istess fejn hemm familja b’ħafna tfal. Din kienet miżura tal-Gvern Laburista tas-snin sebgħin fejn kien ukoll jagħmel l-istess limitu fuq iċ-Children’s Allowance sat-tielet wild. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien biddel din il-miżura u beda jagħti l-istess allowance lit-tfal kollha.
Appella lill-Gvern ibiddel il-miżura u jagħti lill-ulied kollha l-istess ammont ta’ allowance addizzjonali. Semma li mhuwiex biżżejjed miżuri li jagħtu l-flus lil ġenituri sabiex jibagħtu lil uliedhom l-iskola, iżda wkoll mezzi u servizzi li jattiraw u jservu lit-tfal li jattendu dawn l-iskejjel.
Irrifera wkoll għall-pożizzjoni li ħadet l-MUT dwar is-sitwazzjoni mwiegħra li qiegħed fiha l-Iskola Sekondarja tas-Subien San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, u semma kif anke l-orizzont semmiet li s-sistema f’dak il-Kulleġġ falliet minħabba r-realtà li hemm f’dak il-Kulleġġ minħabba studenti bi problemi soċjali.
Semma li r-riforma li kienet bdiet mill-Gvern Nazzjonalista kienet ħasbet sabiex timpjega aktar professjonisti li jagħtu s-servizzi tagħhom fil-Kulleggi. Sfortunatament dan il-Gvern ma żiedx il-compliment ta’ professjonisti li jagħtu dawn is-servizzi.
Fakkar li fil-leġiżlatura l-oħra, Gvern Nazzjonalista kien għamel pjan fl-iskola primarja ta’ Bormla li kien jgħin sabiex dawn it-tfal ikollhom ambjent aħjar u għajnuna professjonali biex jgħin b’mod dirett lit-tfal ta’ din il-lokalità. Kienu impjegati support workers li jgħinu tfal u l-familji tagħhom.
Tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li mhux se jibqa’ jaċċetta li tfal li jsiefru fuq vaganza mal-familji tagħhom jekk mhux fil-ġranet li jkunu bil-vaganzi.
Appella lill-Gvern jikkonsulta aktar mal-ġenituri dwar din il-miżura għax fisser li s-safar jista’ jkun mezz importanti ta’ edukazzjoni informali.
Għall-argument li miżura bħal din diġà giet addottata fi skejjel barra minn Malta, George Pullicino qal li ħafna mill-iskejjel barranin għandhom ħafna aktar breaks fit-tul bil-ġenituri għandhom aktar opportunitajiet lijippjanaw vaganza bit-tfal.
Filwaqt li jaqbel li jista’ jkun hemm capping ta’ ġranet matul is-sena imma mhux li żżommhom milli jsiefru, qal li l-ġenituri għandhom ikollhom huma d-diskrezzjoni fuq x’inhu tajjeb għal uliedhom, sakemm ma jkunx hemm abbuż.
Staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni jippubblika statistika li turi kemm hemm tfal li mhux qed jattendu l-iskola minħabba li qed isiefru mal-ġenituri tagħhom. Staqsa wkoll kemm hu mistenni li tkun ir-rata ta’ differenza fl-attendenza tat-tfal meta qed jgħid li se jnaqqas l-assenteiżmu. X’inhuma l-miri tal-Gvern f’dan ir-rigward?
George Pullicino staqsa lill-Ministru jagħti ċifra waħda, perċentaġġ tal-mira li għandu biex inaqqas l-assenteiżmu fl-iskejjel.
//= $special ?>