Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern jirrifjuta li jippubblika l-management accounts tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi ma ppreżentax fil-Parlament il-management accounts tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek minkejja li din hi entità pubblika finanzjata kompletament mill-fondi pubbliċi u għaldaqstant m’hemm xejn fit-tmexxija tagħha li hi ta’ natura kummerċjali.

Quddiem din il-pożizzjoni u t-tweġiba li ta l-Gvern għall-mistoqsija biex jiġu ppreżentati l-management accounts għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru tas-sena l-oħra, ix-Shadow Minister Claudio Grech, li talab din l-informazzjoni lill-Ministru Konrad Mizzi, irrimarka li l-Ministru ta’ qabel kien jippreżenta fil-Parlament dawn il-management accounts u staqsa lill-Gvern jispjega x’hemm ta’ natura kummerċjali f’entità li hi finanzjata kompletament mill-fondi pubbliċi.

Fin-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi li ma kienx fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fl-ewwel nofs siegħa tas-seduta tal-lejla, il-Ministru Joe Mizzi responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura, baqa’ jsostni li m’għandu xejn xi jżid mat-tweġiba li ngħatat – dik li l-informazzjoni mitluba hi ta’ natura kummerċjali.

L-istess Ministru Konrad Mizzi, għal mistoqsijiet oħra li saru mix-Shadow Minister Claudio Grech, irrifjuta wkoll li jippreżenta l-management accounts tas-Central Procurement and Supplies Unit għall-istess xhur.

Il-Minsitru Joe Mizzi baqa’ ma jgħidx ir-raġuni wara t-tweġibiet li qed jagħti fil-Parlament b’rabta mal-pubblikazzjoni tal-management accounts.