Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiċħad l-allegazzjoni falza tal-GWU

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-GWU minflok qed tiddefendi l-interessi tal-ħaddiema tal-Enemalta, hija qed taħli l-ħin tagħha b’allegazzjonijiet foloz dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

 

L-aħħar allegazzjoni falza tal-General Workers’ Union kienet li l-Kap tal-Oppożizzjoni iltaqa’ ma’ numru ta’ ħaddiema fis-settur tat-trasport biex iħeġġiġhom jitilqu mill-GWU u jissieħbu fil-UĦM. Din hija gidba mill-bidu sal-aħħar.

 

L-attakk tal-GWU fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu spjegazzjoni ċara. Dan qed isir wara li l-Partit Nazzjonalista żvela li l-GWU qegħda ddaħħal €300,000 billi tikri parti mill-proprjetà pubblika li tokkupa lill-kumpanija tal-Gvern. Dan qed isir bi ksur sfaċċat tal-kuntratt pubbliku li l-GWU għandha mal-istess Gvern.

 

Il-PN qal li mhux ta’ b’xejn li l-GWU qed iżżomm ħalqha magħluq dwar il-ħaddiema tal-Enemalta li spiċċaw ġew traduti minn Joseph Muscat u li ma sabu l-ebda kenn mill-GWU.

 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ilu ġimgħa li sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex iwaqqaf minnufih dan l-abbuż iżda sa llum il-Prim Ministru għadu dgħajjef quddiem l-abbuż li qed isir mill-GWU.