Il-Ministru Edward Zammit Lewis iddikjara fil-Parlament li mhux se jkun qiegħed jippubblika l-kuntratt bil-perkaċċi li jgawdi llum l-eks-Chief of Staff tiegħu hekk kif baqa’ jiddefendi l-ħatra diretta li tah fl-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) mingħajr sejħa pubblika iżda fuq il-mertu ta’ position of trust.
Iddikjara wkoll li lanqas ma kien se jippubblika l-kuntratt li ngħatat mill-MTA Michelle Buttigieg, is-sieħba fin-negozju mal-mara tal-Prim Ministru, bħala r-rappreżentanta tal-MTA fi New York.
Mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu biex jippubblika fil-Parlament il-kuntratt ta’ impjieg li ngħata Edward Zammit, l-eks-Chief of Staff tiegħu, kif ukoll il-kuntratt tas-sieħba tal-mara tal-Prim Ministru, il-Ministru Zamit Lewis qal li mhux se jippubblika l-kuntratti għaliex huma kummerċjalment sensittivi.
Għal dak li qal il-Ministru Zammit Lewis li kien qed jagħmel bħalma għamlu Ministri oħrajn fl-amministrazzjoni preċedenti, id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg saħaq li dawn huma każi differenti għaliex l-impjieg ingħata b’mod dirett u mingħajr ma ħarġet ebda sejħa.
Antoine Borg staqsa wkoll jekk hemmx raġunijiet oħrajn u jekk kuntratti lil persuni appuntati direttament mill-Gvern u mħallsin minn fondi nazzjonali, hix meqjusa bħala informazzjoni li hi sensittiva u kummerċjali.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech irrimarka li dwar kull impjieg minn flus il-poplu, il-Parlament u l-poplu għandu dritt li jingħata l-informazzjoni kollha.
B’rabta mal-ħatra diretta fi New York tas-sieħba tal-mara tal-Prim Ministru, Francis Zammit Dimech qal li fl-MTA kien hemm persuni kompetenti biżżejjed biex jaqdu r-rwol tal-MTA fl-Istati Unit u li seta’ jirrikorri għalihom. Iżda fil-mument li l-Gvern jiddeċiedi li jimpjega minn barra s-settur pubbliku, il-Ministru hu f’obbligu aktar li jagħti l-informazzjoni.
Quddiem ir-reżistenza tal-Ministru għat-Turiżmu li baqa’ jsostni li mhux se jippubblika l-kuntratti, Francis Zammit Dimech fakkar li dan hu Gvern li tela’ bl-għajta tat-trasparenza.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li m’għandux x’iżid ma’ dak li diġà qal, ħlief li fir-rigward tal-eks-Chief of Staff l-impjieg hu ekwivalenti ma’ dak ta’ Senior Manager fl-MTA.
Għar-rimarki ta’ Francis Zammit Dimech li kompla jisħaq dwar l-importanza li jkun ippubblikat il-kuntratt sħiħ bil-perkaċċi addizzjonali mal-impjieg, il-Ministru Zammit Lewsi baqa’ jsostni li ma kellu xejn aktar xi jżid.
//= $special ?>