Qorti

“Il-Porporina” u sieħbu jmmorru 72 xahar ħabs fuq serq

Alfred Bugeja, ta’ 57 sena mill-Belt, magħruf bħala “Il-Porporina”, u Clive Agius, ta’ 29 sena mill-Floriana, ġew ikkundannati 72 xahar ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Ian Farrugia li wettqu serqa minn maħżen f’Santa Venera f’Novembru tal-2008.

Iż-żewġt irġiel, li appellaw mis-sentenza, instabu ħatja li fid-19 ta’ Novembru tal-2008 serqu diversi oġġetti minn vann u li kkommettew serq ta’ flus minn maħżen fi Triq il-Kanun f’Santa Venera. Kemm Bugeja kif ukoll Agius instabu ħatja wkoll li kisru l-provvedimenti tal-Qorti f’sentenzi oħrajn.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti rreferiet għax-xhieda mogħtija minn Johann Cuschieri, li qal li waqt li kien qed jixtri l-ħobż ħdejn maħżen ta’ zijuh Alfred Cuschieri, lemaħ karozza pparkjata, tal-għamla Kia, u ra tnejn minn nies ħerġin minnha u marru lejn il-bieb tal-maħżen.

Hu kien ħaseb li ma kienx normali li zijuh jafda lin-nies b’dak il-mod u ddeċieda li jċempillu. Kien infurmah li kien hemm tnejn minn nies li fetħu l-katnazz u użaw il-muftieħ biex jeċċedu għall-maħżen. Alfred Cuschieri kien qallu li ma kien jaf xejn dwarhom u li jekk seta’, kellu jżommhom bid-diskors sakemm jasal hu.

Johann Cuschieri kien ħa ritratt tal-pjanċa tal-karozza waqt li nnota li ż-żewġ persuni, li kien daħlu fil-maħżen, ma kienux xegħlu dawl. Meta ħarġu, kien innota li raġel minnhom kien twil u l-ieħor kien qasir. It-twil ħa ħsieb li jsakkar il-maħżen bil-muftieħ, u waqt li pprova jagħmel il-katnazz f’postu, Johann Cuschieri staqsiehom għan-numru ta’ zijuh Alfred.

Għalkemm qalulu li ma jafuhx, meta ppressati, qalulu li jekk ried ikellem lil Alfred, seta’ jmur il-ħanut li huwa xi 100 metru ’l bogħod mill-maħżen. Kompla jinsisti għan-numru ta’ Alfred u qalulu li kellhom in-numru fil-karozza. Iż-żewġ persuni mxew lejn il-karozza u meta qabżuha, ġibdilhom l-attenzjoni għall-karozza li kienu waslu fil-post biha.

Ir-raġel il-qasir kien daħal fil-karozza u beda jipprova jsib in-numru ta’ Alfred, li ma kellhomx, waqt li r-raġel l-ieħor qallu biex jitilqu mill-post. Qabel il-qasir daħal fil-karozza, ix-xhud innotalu starter packs għall-ewro. Sadanittant laħaq wasal zijuh, li nnota wkoll li kellu xi oġġetti, in-numru ta’ prodotti li ġew nieqsa flimkien mal-muftieħ u ċ-ċavetta tal-katnazz, mill-vettura tiegħu.

Il-Pulizija kienet infurmata b’din is-serqa u minnufih bdiet investigazzjoni. Fi ftit ħin, interċettat il-karozza li fiha kien għad hemm iż-żewġ imputati. Kienu ġew elevati 131 stoċċ fi flus tal-fidda.

Aktar tard, Clive Agius ikkopera mal-Pulzija u ħadhom f’garaxx f’Ħal Qormi minn fejn ġew elevati l-prodotti misruqin, flimkien maċ-ċavetta u l-muftieħ. L-oġġetti kellhom valur ta’ bejn Lm350 u Lm400.

Apparti l-identification parade u l-konsultazzjoni ma’ żewġ kotba bir-ritratti li Johann Cuschieri għamel fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huwa identifika mingħajr eżitazzjoni liż-żewġ imputati waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti.

Min-naħa tagħhom, l-imputati rrilaxxaw stqarrija kull wieħed. Fil-verżjoni tagħhom, Bugeja qal li ma kien jaf b’xejn dwar din is-serqa u li kien għadu kif ħa lift ma’ Aguis, kantuniera ’il bogħod minn fejn twaqqfu mill-Pulizija. Bugeja ċaħad li kellu x’jaqsam mas-serqa filwaqt li Aguis ammetta l-involviment tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ż-żewġ imputati kienu involti fis-serq. Qalet li ma hemm xejn fl-atti proċesswali li għandu jwaqqafha milli toqgħod fuq il-verżjoni ċara tax-xhud prinċipali.

Dwar il-piena, il-Qorti ħadet in kunsiderazzjoni fost l-oħrajn li Aguis ammetta l-involviment tiegħu fl-istqarrija li kien għamel u radd lura l-oġġetti kolla misruqin, kif ukoll il-kondotta taż-żewġt irġiel.

Agius instab ħati mhux anqas minn seba’ darbiet mill-Qorti, filwaqt li Bugeja għandu kondotta twila u kkulurita.

Għalhekk Bugeja ġie ikkunanant 33 xahar ħabs u Aguis 24 xahar ħabs flimkien ma’ 15-il xahar ħabs oħra, li jfisser piena komplessiva ta’ 39 xahar ħabs. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella filwaqt li l-Avukat Veronique Dalli deheret għal Agius u l-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Bugeja.