Internazzjonali

In-Navy Ingliża teskorta bastiment Russu tal-gwerra qrib il-kosta Ingliża

Bastiment Russu tal-gwerra ġie interċettat min-Navy Ingliża hekk kif kien għaddej fil-kanal tal-Ingilterra qrib ħafna tal-kosta Ingliża.

In-Navy bagħtet mill-ewwel bastiment Ingliż biex isegwi dak Russu u jeskortah ’il barra, hekk kif kien maħsub li dan kellu fuqu missili, torpedoes u armi oħra.

Il-Ministeru tad-Difiża Ingliż qal li dak li seħħ kien konformi mal-liġijiet internazzjonali. Bħalissa hemm tensjoni dejjem tikber bejn ir-Renju Unit u r-Russja wara li x-xahar li għadda jets tar-Royal Air Force kellhom jinterċettaw żewġ bombers Russi, li kienu kapaċi jġorru missili nukleari, li kienu għaddejjin minn fuq Bournemouth u f’Novembru, kien hemm erba’ bastimenti oħra li għaddew mill-kanal Ingliż. L-Ingilterra qed tibża’ li r-Russi jistgħu qed ifittxu d-dgħufijiet tal-forzi navali tagħha hekk kif il-pajjiż qed jiġi akkużat li qed jipprovoka wara li l-ekonomija tiegħu sejra lura minħabba s-sanzjonijiet internazzjonali.

Skont il-Ministeru tad-Difiża, l-aħħar każ hu wieħed li jiġri spiss tant li l-Ministeru jistma li n-Navy Ingliża teskorta bastimenti militari Russi kull ftit xhur. Kien hemm iktar minn 100 ajruplan Russu li ġew interċettati s-sena li għaddiet, li hu t-tripplu ta’ dak li seħħ fl-2013.

Sorsi militari insistew li l-Forzi Armati Ingliżi jridu jirreaġixxu malajr hekk kif ir-Russja żiedet l-eżerċizzji militari tagħha li kienu jinkludu wkoll ajruplani fighter jets u bombers.