Lokali

Jigdem tliet Pulizija waqt li miżmum taħt arrest

Niġerjan li kien miżmum taħt arrest fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sar agressiv fil-konfront tal-uffiċjali tal-Pulizija u saħansitra gidem tlieta minnhom. Il-każ seħħ fid-9 tat-Tlieta filgħaxija.

In-Niġerjan, residenti Marsaskala, kien miżmum u qed jiġi nvestigat fuq abbuż sesswali ta’ minorenni. Madankollu, peress li r-raġel ibagħti mill-iskiżofrenija, kien se jittieħed lejn il-poliklinika tal-Furjana għal viżta ta’ tabib.

Imma kif ir-raġel ġie nfurmat li kien se jittieħed il-poliklinika, hu rvilla, beda jirreżisti lil erba’ uffiċjali li kienu se jeskortawh, irrifjuta li jiġi mmanettjat u ntefa’ mal-art.

Finalment tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana ntalab fil-post u ordna li r-raġel jinżamm taħt kura fl-Isptar Monte Karmeli.

Minn naħa l-oħra l-uffiċjali ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, u biex jiġu ċċertifikati għall-ġrieħi ħfief li ġarrbu.

Dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni.