Testijiet permezz tad-DNA għandhom iwasslu għall-oriġini ta’ għadd ta’ kustilji u għadma wara li sar l-eżami mediċi fuqhom.
Dawn huma fost il-fdalijiet li nstabu f’għalqa fil-Qajjenza f’Birżebbuġia fejn instabu l-fdalijiet ta’ Matthew Zahra, Mario Camilleri Senior, magħruf bħala “l-Imnieħru”, u ibnu Mario Camilleri Junior. Għadu mhux ċert jekk dawn il-fdalijiet humiex umani jew le.
Dan ħareġ mix-xhieda mat-tobba Marisa Camilleri u Ali Afraz fejn ippreżentaw ir-relazzjoni dwar l-eżamijiet li huma għamlu dwar fdalijiet li nstabu fl-għalqa.
Dawn qalu li kien hemm 242 għadma ta’ annimali u filwaqt li kien hemm xi kustilji li kienu umani, oħra baqgħu mhux identifikati. Sa żmien sitt ġimgħat dawn għandom jiġu identifikati permezz tat-testijiet tad-DNA.
L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għan-nom tal-familja tal-vittma, kien għamel talba fil-Qorti biex ikun magħruf jekk l-għadam li nstab kienx ta’ Matthew Zahra.
Din l-informazzjoni ħarġet meta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena mill-Marsa, u Ronald Urry, ta’ 49 sena minn Raħal Ġdid. Iż-żewġt irġiel qed iwieġbu mhux ħatja li qatlu lil Matthew Zahra, ta’ 27 sena mill-Belt, li kien jaħdem bħala xufier tat-taxi. Zahra kien irrappurtat nieqes f’Jum Santa Marija tal-2012.
L-Ispettur Michael Mallia, fix-xhieda tiegħu, qal li meta kien kellem lil Urry, dan qallu li dejjem kien jistenna li l-każ joħroġ għax kien imdejjaq bis-sitwazzjoni. Qal li fis-17 ta’ Lulju 2013 ġie infurmat mill-Ispettur Louise Calleja li kien hemm bżonn l-assistenza tas-CID wara li ġew nieqsa żewġ persuni. Dan wara rapport li kien sar minn Emanuela Camilleri. Il-persuni nieqsin kienu r-raġel ta’ Emanuela, Mario u binha, li wkoll jismu Mario.
Minn stħarriġ preliminari, kien ħareġ li l-aħħar żewġ persuni li kienu rawhom kienu Emmanuel Farrugia magħruf bħala l-“Iskrun” u ħu l-persuna li għamlet ir-rapport, jiġifieri Jason Galea. Farrugia kien ġie identifikat u kien ta lill-Pulizija indikazzjoni li kien wassal lil wieħed mill-vittmi f’għalqa fil-Qajjenza. F’din l-għalqa kienu nstabu żewġt iġsma midfunin taħt il-ħamrija.
Il-Pulizija kienet kellmet lil sid l-għalqa, Alfredo Attard, li kien stqar li fil-15 ta’ Awwissu 2012 kienu daħlu fl-għalqa tiegħu l-akkużati u daħħlu magħhom persuna. Dan kien Matthew Zahra, li ttieħed fl-għalqa u spiċċa maqtul fejn instabu l-fdalijiet.
Attard kien ta aktar dettalji fosthom li xi żmien qabel kien avviċinat minn Jason Galea, li kien qabbdu jiżbor siġra tal-bajtar li kien hemm fl-għalqa biex persuna oħra, li rriżulta li kien Urry, jispara lil Matthew Zahra minn warajh.
Ix-xhud qal li Attard qallu li Jason Galea kien daħal fl-għalqa ma’ Matthew Zahra, li kien passiġġier, u li kif Jason Galea niżel biex jiftaħ ir-rixtellu, Urry, li kien mistoħbi, spara lejn Matthew Zahra żewġ tiri.
Skont Alfredo Attard, iż-żewġt irġiel difnu lil Zahra f’ħofra li kienet ippreparata minn qabel. L-istess xhud kien qal ukoll li kien ra lil Jason Galea jieħu l-ġiżirani minn fuq Zahra qabel ma dan indifen.
L-Ispettur Mallia qal li wara li kienu ġew arrestati l-akkużati, tkellem magħhom u minkejja li fil-bidu kienu evitaw li jwieġbu ċertu mistoqsijiet inkriminanti, wara ammettew dak li kien ġara u kienu ġew ukoll video recorded f’diversi stqarrijiet separati. Minn dak li kienu qalu t-tnejn, ikkorraboraw il-verżjoni ta’ xulxiun u anke ta’ Alfredo Attard.
L-Ispettur qal li aktar minn hekk, kien iddelega diversi pulizija biex imorru fix-xena tad-delitt u magħhom dawn ħadu lill-akkużati li spjegaw biċċa biċċa b’mod kronoloġiku x’għamlu, u fejn kien sar kollox.
Jason Galea kien insista li kien hu li ppjana kollox, u li Zahra kellu jiġi eliminat peress li kien qed jeħodlu ammonti kbar ta’ flus permezz tal-użura. Zahra, skont hu, kien tah €6,000, u kien emfasizza li kienu mmultiplikaw għal diversi drabi, u li ma setax ikompli jħallas dawn il-flus.
Minn aktar investigazzjonijiet, irriżulta li l-karozza li ntużat fil-każ kienet reġistrati fuq ċertu Mark Borg u kienet tintuża minn Cristille Galea, in-neputija ta’ Jason Galea. Din qalet li fil-perjodu msemmi kien qed jagħmel użu minnha zijuha li kien talabhiela ftit qabel Santa Marija biex jissellifha.
Xi jiem wara hi u misserha, li jiġi ħu Jason Galea, kienu għamlu tentattivi biex jeħduha lura, iżda Jason Galea kien qalilhom li kienet waqfitlu bla petrol f’Birżebbuġia u li setgħu jeħduha minn hemm. Meta marru għaliha skoprew tkissir fid-dashboard u sun visors neqsin. Minħabba f’hekk kien tahom €100 bħala kumpens.
L-Ispetturi Chris Pullicino, Fabian Fleri, Michael Mallia u Louise Calleja qegħdin imexxu l-kumpilazzjoni filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher bħala parti-ċivili għall-familja Zahra.
L-Avukat Joe Giglio qed jidher għal Jason Galea filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Angie Muscat qed jidhru għal Urry.
//= $special ?>