Linji tal-ajru bħall-Air Malta qed isiru biss parti minn kumpaniji ikbar, feeders tal-linji tal-ajru kbar u finalment nemmen li se jsiru parti minn kumpaniji oħra u jisparixxu.
Kien dan il-kumment ta’ David O’Brien, Kap Eżekuttiv Kummerċjali tar-Ryan Air waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret biex il-linja tal-ajru tfakkar it-tletin sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, O’Brien għamilha ċara li hu qatt ma studja l-operat tal-Air Malta, imma qal li m’hemmx triq oħra għal linji tal-ajru simili li mhux jaraw tkabbir ekonomiku u li għalih tkun ħasra li l-Air Malta tintilef.
F’Malta, Ryan Air għandha 27% tas-suq lokali f’passiġġieri li jagħżlu jtiru magħha, u hi biss l-Air Malta li għandha iktar.
Tkellem ukoll dwar il-kontroversja riċenti marbuta mal-ikel offrut waqt it-titjiriet u qal li r-Ryan Air hi eżempju kif 90 miljun passiġġier għarfu li qed iħallsu inqas għall-prezz tal-biljetti għax ħadd mhu jimponilom li jħallsu iktar għal sandwich ta’ kwalita’ baxxa inkella bagalja li m’għandhomx bżonn.
Intant fil-konferenza tal-aħbarijiet O’Brien ħabbar li r-Ryan Air diġa’ rċeviet rekord ta’ bookings għas-Sajf li ġej, b’mod speċjali fir-rotta ġdida lejn l-East Midlands.
Intant fil-ġimgħat li ġejjin Ryan Air se tkun qed tħabbar l-iskeda għax-Xitwa li ġejja filwaqt li tħabbar skont fuq il-prezzijiet tal-vjaġġi lejn Bari, Pisa, Trapani u Girona.
Il-kumpanija qed tippjana li testendi wkoll numru ta’ rotot li għalissa huma miftuħa għas-Sajf, biex ikunu disponibbli anke’ fix-Xitwa.
//= $special ?>