Il-militanti tal-ISIS jridu jużaw il-Libja biex iwasslu għal “kaos fin-Nofsinhar tal-Ewropa”. Hekk jiżvela l-ġurnal The Telegraph, ikkwotat mill-aġenzija Ansa, fejn jirrapporta dwar dokumenti sigrieti tal-militanti.
Skont wieħed minn dawk li jirrekluta n-nies għall-ISIS fil-Libja, il-militanti jridu jinfiltraw fost l-immigranti fil-Mediterran, u jattakkaw “kumpaniji marittimi u bastimenti li jkunu qed ibaħħru fil-Mediterran”. Sadattant l-Eġittu, wara l-attakki mill-ajru, għamel attakk ieħor fuq l-art f’Derna, meqjusa l-kaliffat tal-ISIS, fejn ġie rrappurtat li nqabdu 55 militanti tal-Istat Iżlamiku.
Skont il-Prim Ministru Libjan Abdallah Al Thani, il-membri tal-Istat Iżlamiku u tal-Boko Ħaram qed jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi fil-Libja u qed joqorbu lejn il-fruntiera mat-Tuneżija, li min-naħa tagħha qed issaħħaħ il-fruntiera bi preżenza iktar qawwija ta’ suldati.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin fl-Italja, fil-Parlament illum, qal li l-Italja mhix favur iktar attakki u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, illum, qed tistenna li tittieħed deċiżjoni li l-isforzi jiġu radduppjati favur id-djalogu politiku.
Il-Papa Franġisku, min-naħa tiegħu, talab għall-paċi fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq waqt li semma’ b’mod speċjali l-mejta, l-imweġġa’ u l-immigranti. Fl-Udjenza Ġenerali, appella lill-komunità internazzjonali biex tasal għal soluzzjonijiet ta’ paċi fejn tidħol is-sitwazzjoni diffiċli tal-Libja.
F’dokument konġunt bejn il-Gvernijiet ta’ Franza, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, il-pajjiżi tal-Punent ikkundannaw bla ebda riservi l-atti kollha ta’ terroriżmu fil-Libja. Saħqu li l-qtil ta’ 21 ċittadin Eġizzjan ikompli jżid il-ħtieġa ta’ soluzzjoni politika waqt li tennew l-impenn tagħhom li jagħtu l-appoġġ sħiħ lil Gvern wieħed Libjan biex jilqa’ għall-isfidi tal-pajjiż.
//= $special ?>