L-ispiża li ħarġet l-Orkestra Filarmonika biex tmur iċ-Ċina għaż-żmien tal-Ewwel tas-Sena, kienet akbar minn dik li ħarġu l-organizzaturi Ċiniżi.
L-organizzaturi Ċiniżi ħallsu s-somma ta’ €40,186 għas-servizzi tal-Orkestra. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ħallset it-titjiriet li ammontaw għal €60,905 – spiża akbar ta’ aktar minn €20,700 għall-Orkestra Filarmonika.
Dan jirriżulta minn tweġiba li ta fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, għal mistoqsija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u Arti, Joe Cassar.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru jgħid kemm kienet il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-organizzaturi Ċiniżi u dik tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għat-tournee li għamlet fiċ-Ċina bejn is 26 ta’ Diċembru 2014 u d-9 ta’ Jannar 2015.
Jirriżulta li l-kontinġent Malti kien iffurmat minn 66 persuna – 60 mużiċisti u sitt amministraturi. Mill-mużiċisti kien hemm 13 li jaħdmu fuq bażi part-time.
Mill-websajt tal-Orkestra Filarmonika, jirriżulta wkoll li l-orkestra żaret il-bliet ta’ Hangzhou, Suzhou, Liuzhou u Shangai, fejn ippreżentat tmien kunċerti fosthom kunċert f’lejlet l-Ewwel tas-Sena.
//= $special ?>