Internazzjonali

L-UKRAJNA: Il-waqfien mill-ġlied wasal biex jikkrolla

Petro Poroshenko, il-President tal-Ukrajna, qal li kellu jirtira t-truppi minn Debaltseve minħabba l-qilla tal-ġlied. Dan minkejja li suppost qed ikun osservat waqfien mill-ġlied.
Poroshenko qal li 80 fil-mija tat-truppi kienu rtirati l-Erbgħa u l-kumplament kienu se jagħmlu l-istess.
Minkejja li suppost hemm waqfien mill-ġlied, ir-ribelli qrib Moska komplew bil-ġlied f’Debaltseve, belt strateġika għaż-żewġ naħat. Min-naħa l-oħra, Sergei Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, qal li r-ribelli fetħu n-nar għaliex spiċċaw imdawrin mill-Armata Ukrena u kellhom jiġġieldu biex jddefendu ruħhom.
Debaltseve hi strateġika minħabba l-linja tal-ferrovija li tgħaddi minnha u li tgħaqqad lil Donetsk u Luhansk.
Il-waqfien mill-ġlied fil-biċċa l-kbira tiegħu qed ikun osservat fi bnadi oħra tal-Lvant tal-Ukrajna imma l-osservaturi qalu li l-iżvilupp f’Debaltseve jista’ jpoġġi f’dubju l-ftehim kollu ta’ Minsk li sar bil-medjazzjoni ta’ Franza u l-Ġermanja.