Illum fetħu n-nomini tal-Kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’nofs Malta u Għawdex fil-11 ta’ April li ġej.
Fost l-ewwel nomini li waslu kien hemm dik ta’ Mario Salerno, li f’Marzu tal-2014 kien irriżenja minn Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, wara li kien tela’ f’isem il-Partit Laburista, u li issa se jieħu sehem fl-elezzjoni għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop bħala kandidat indipendenti.
Salerno kien diġa’ fil-kontroversja f’Ħal Kirkop meta f’April tal-2014 għażel li jattendi laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, mingħajr ma kellu dritt jattendi għaliha għaliex mhuwiex reġistrat fuq din il-lokalità.
Dakinhar kienet qed tiġi diskussa l- amministrazzjoni finanzjarja tal-Kunsill preċedenti, dak li kien immexxi minn Mario Salerno.
U minkejja li kien parti mill-udjenza, hu beda jintervjeni u jagħmel kull attentat biex jiddefendi lilu nnifsu tant li kienu s-Sindku Laburista u l-Kunsillieri Laburisti stess li bdew iwaqqfu lil Mario Salerno milli jitkellem.
Intant in-nomini se jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa għal min jixtieq jikkontesta l-elezzjonijiet li se jsiru fil-lokalitajiet tal-Birgu, l-Isla, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, Birżebbuġa, il-Furjana, il-Gżira, Għajnsielem, Ħal Għargħur, il-Ħamrun, l-Iklin, Ta’ Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaxlokk, il-Mosta, il-Munxar, in-Nadur, Raħal Ġdid, il-Qala, Ħal Safi, San Ġiljan, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, is-Swieqi, ix-Xagħra, iż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.
Tul dawn it-tlett ijiem, in-nomini qed jintlaqgħu bejn id-9am u s-1pm, kif ukoll bejn it-3pm u s-7pm.
//= $special ?>