Il-Korp tal-Pulizija ġie mgħarraf dwar messaġġi li preżentament qegħdin jiġu ċċirkolati bl-iskop li jinġabru dettalji u passwords mingħand utenti tas-servizzi elettroniċi. Din it-tip t’attivita hija magħrufa bħala ‘phishing’.
Persuni li jirċievu dawn il-messaġġi ġeneralment jiġu infurmati li rċevew dokument. L-utenti jintalbu biex jaċċedu ġo websajt fejn imbagħad jiġu mitluba d-dettalji tal-kont tagħhom sabiex ikunu jistgħu jirċievu d-dokument mibgħut. F’ċerti każijiet, dawn il-messaġġi jasslu minn kontijiet li jappartjenu lil persuni li l-kontijiet tagħhom ikunu ġew iħħekjati.
Min isegwi l-istruzzjonijiet f’dawn il-messaġġi ikun qed jgħaddi d-dettalji meħtieġa sabiex il-kontijiet u l-informazzjoni tiegħu jiġu aċċessati minn terzi persuni mhux awtorizzati.
Il-Korp tal-Pulizjia jixtieq jieħu din l-opportunita’ sabiex ifakkar l-utenti tal-internet illi għandhom jivverifikaw messaġġi li jirċievu qabel isegwu struzzjonijiet simili jew jikkorrispondu ma’ mandanti ta’ messaġġi suspettużi. Persuni li jissuspettaw li setgħu għaddew dettalji tal-kontijiet tagħhom huma mħeġġa sabiex, ta’ l-anqas, ibiddlu l-password tagħhom u jiċċekjaw il-kontijiet tagħhom għal xi attivita’ mhux awtorizzata.
//= $special ?>