L-awtoritajiet ta’ Palermo qed jinvestigaw il-possibilta’ li fl-aħħar xhur terroristi tal-ISIS daħlu fi Sqallija bil-baħar. Skont rapporti, dawn il-ġellieda allegatament daħlu mill-port ta’ Pozzallo u portijiet oħra fi Sqallija.
Il-Corriere di Ragusa qed jirraporta li ħames immigranti kellhom ritratti jippużaw b’kalashnikov, armi oħra ta’ kalibru għoli, u b’wiċċhom mgħammad, fuq il-mobiles. L-investigazzjoni mmexxija mill-Prokuratur Gery Ferrara qed tissuspetta li ħames persuni, Eġizzjan, Libjani u Sirjani jinsabu fil-pussess ta’ armi.
L-istess ġurnal qed jirraporta li l-investigazzjoni sabet li l-ħames persuni huma estremisti Iżlamiċi b’passat fil-Jihad. Dawn il-ħames persuni mhux l-uniċi li qajmu suspett, u jidher li wħud diġa’ ħallew il-pajjiż u komplew jimxu lejn pajjiżi oħra fl-Ewropa.
Jirriżulta li kienu s-Servizzi Sigrieti tal-pajjiż li wissew dwar ir-riskju li xi ġellieda tal-ISIS setgħu infiltraw il-pajjiż.
Fl-aħħar jiem tkellem ukoll il-Ministru tal-Intern Taljan Angelino Alfano li wkoll wissa’ dwar ir-riskju li fil-pajjiż jidħlu xi terroristi, b’mod speċjali fi Sqallija fejn fl-2014 daħlu kważi 197,000 immigrant.
//= $special ?>