Mourinho jfaħħar il-wirja ta’ Courtois
Il-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho kien kuntent bid-draw 1-1 għand Paris Saint Germain u faħħar il-wirja tal-gowlkiper Thibaut Courtois li aċċerta li Chelsea jmorru għat-tieni leg tal-aħħar 16 taċ-Champions League b’riżultat tajjeb.
Courtois li beda flok Petr Cech għall-ewwel leg wettaq saves brillanti biex ċaħħad lil PSG.
“Stajna tlifna u għalhekk naħseb li r-riżultat hu pożittiv. Ma ngħidx li hu tajjeb ħafna għaliex kollox jiddependi mit-tieni leg imma hu riżultat pożittiv kontra tim tajjeb bi plejers teknikament fantastiċi. Kienet logħba diffiċli. Meta tara l-wirja tal-gowlkiper tagħna, trid tammetti li għamel żewġ jew tliet saves importanti. Kuntent bir-riżultat għaliex issa kollox se jkun deċiż fi Stamford Bridge,” temm Mourinho.
Laurent Blanc qal li t-tim tiegħu ta’ PSG kien preparat għat-tim offensiv ta’ Chelsea imma xorta naqas milli jżommhom milli jiskurjaw u kellu jkun gowl ta’ Edinson Cavani li tahom 1-1 u żammilhom ir-rekord intatt ta’ mingħajr telfa f’darhom.
“Ippreparajna tajjeb għal din il-logħba u ħdimna fuq affarijiet li ħsibna li setgħu jagħmlu. Kollox seħħ kif pjanajna għajr għal ħaġa waħda u kien sabiħ tara l-logħba. Irridu nammentu li dan it-tim ta’ Chelsea ġie hawn biex jiskorja u ħa gowl. Skorjaw b’mossa li nvolviet biss difensuri meta kkonna ffukati fuq plejers bħal Hazard u Willian. Imma kburi bil-plejers tiegħi għaliex urejna kwalità. Fl-edizzjonijiet preċedenti ġejna eliminati minn Chelsea u Barcelona bil-gowls away. Għalhekk lgħabt lil David Luiz fil-midfield. Se nkomplu nattakkaw anke f’Londra u gowl ikun biżżejjed jekk inkunu attenti.”
Guardiola jwaħħal fit-tkeċċija ta’ Xabi Alonso
Il-kowċ ta’ Bayern Munich Pep Guardiola waħħal fit-tkeċċija tal-midfielder Xabi Alonso għall-wirja xejn konvinċenti tat-tim tiegħu kontra Shakhtar Donetsk fi draw 0-0.
Bayern tħabtu wara li Alonso tkeċċa għat-tieni kaerta safra 25 minuta mit-tmiem u Guardiola sostna li bi plejer anqas “kienet diffiċli ħafna” għat-tim tiegħu.
Ir-riżultat iħalli lil Bayern f’pożizzjoni delikata għaliex riżultat ta’ draw bi skor, ipoġġi lil Shakhtar mal-aħħar tmienja.
Imma Guardiola xorta jinsab fiduċjuż. “Konna bi plejer anqas għal ħin twil u dan ovvjament għamilha diffiċli. Ikkontrollajna l-logħba imma ftit ħloqna ċansijiet. Issa rridu nirbħu l-partita ta’ ritorn u se nagħmlu dan bil-partitarji warajna.”
Guardiola faħħar ukoll id-difensuri tiegħu li żammew kwieti lill-grupp ta’ midfielders u attakkanti ta’ Shakhtar.
“Ħloqna ftti ċansijiet u aċċertajna li l-avversarji ma jkunux perikolużi viċin il-lasta tagħna. Konna kapaċi nżommu taħt kontroll lil Alex Teixeira, Taison u Douglas Costa u kuntent ħafna b’dan.”
L-attakkant Mario Goetze qal li t-tim irid jinsa malajr din il-wirja f’Lviv.
“Illum kellna xi problemi fl-attakk u ma lgħabniex kif stennejna. Imma xorta għad hemm it-tieni leg li qed nimmiraw li nirbħu għalkemm dettalji żgħar se jkunu deċiżivi. Kien ikun tajjeb kieku skorjajna.”
Id-direttur Sportiv Matthias Sammer kompla. “Draw mingħajr gowls dejjem hu problema. Effettivament jinstema’ sabiħ imma mhux faċli. Konna bogħod mill-aqwa tagħna u rridu nitjiebu.”
Il-kowċ ta’ Shakhtar, Mircea Lucescu kien kuntent bil-wirja dixxiplinata tat-tim tiegħu speċjalment wara li Bayern skorjaw 16-il gowl fil-fażi tal-gruppi.
“L-ewwel mira tagħna kienet li ma nitilfux u t-tieni waħda li nagħtu ċans lilna nfusna għat-tieni leg. Dan iċ-ċans qiegħed hemm. Dak li ddispjaċini hu li ma ppruvajniex nilagħbu l-futbol wara li konna bi plejer aktar,” qal Lucescu.
Intant il-captain ta’ Shakhtar, Darijo Srna qal li l-attakkant Brażiljan Douglas Costa jista’ faċilment isir tajjeb daqs Arjen Robben waqt li ndika wkoll li Teixeira u Taison ukoll huma fuq l-istess livell ta’ plejer ieħor ta’ Bayern, Ribery.
“Ngħid li Douglas Costa mhux agħar minn Robben u Teixeira u Taison tajbin daqs Ribery. Għandna għalfejn inkunu kuntenti bir-riżultat għalkemm ridna nieħdu aktar riskji ladarba konna bi plejer aktar. Xorta għandna ċans u fil-futbol kollox possibli u se niġġieldu sal-aħħar,” qal il-Kroat.
//= $special ?>