Ewropa Internazzjonali

Bombers Russi barra l-kosta ta’ Cornwall

L-ajruplani tal-gwerra tal-RAF kellhom jidħlu fl-azzjoni wara li żewġ bombers Russi intlemħu ftit ‘il hinn mill-kosta ta’ Cornwall. L-ajruplani Britanniċi eskortaw dawn il-bombers, tat-tip ‘Bear’, ‘il hinn miz-zoni Britanniċi, bil-Ministeru għad-Difiża tar-Renju Unit isostni li l-ajruplani Russi naqsu milli jidħlu l-ispazju tal-ajru Ingliż.

Fl-istess ħin, id-Dipartiment tat-Trasport Britanniku ikkonferma li l-preżenza tal-bombers fl-ebda ħin ma affettwat l-avjazzjoni ċivili.

L-inċident seħħ fl-istess jum li s-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Michael Fallon, wissa li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ‘qed jimponi periklu veru u attwali’ għat-tliet pajjiżi Baltiċi — il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja, li huma membri tal-Unjoni Ewropea.

Ftit tal-ġranet ilu bastiment Russu tal-gwerra ġie interċettat min-Navy Ingliża hekk kif kien għaddej fil-kanal tal-Ingilterra qrib ħafna tal-kosta Ingliża.

In-Navy bagħtet mill-ewwel bastiment Ingliż biex isegwi dak Russu u jeskortah ’il barra, hekk kif kien maħsub li dan kellu fuqu missili, torpedoes u armi oħra.

Il-Ministeru tad-Difiża Ingliż qal li dak li seħħ kien konformi mal-liġijiet internazzjonali. Bħalissa hemm tensjoni dejjem tikber bejn ir-Renju Unit u r-Russja wara li x-xahar li għadda jets tar-Royal Air Force kellhom jinterċettaw żewġ bombers Russi, li kienu kapaċi jġorru missili nukleari, li kienu għaddejjin minn fuq Bournemouth u f’Novembru, kien hemm erba’ bastimenti oħra li għaddew mill-kanal Ingliż.

L-Ingilterra qed tibża’ li r-Russi jistgħu qed ifittxu d-dgħufijiet tal-forzi navali tagħha hekk kif il-pajjiż qed jiġi akkużat li qed jipprovoka wara li l-ekonomija tiegħu sejra lura minħabba s-sanzjonijiet internazzjonali.