Internazzjonali

Ebda intervent militari min-NU fil-Libja għalissa

L-Eġittu sostna li l-abbozz tar-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja li ressqu l-pajjiżi Għarab ma jagħmel l-ebda referenza għall-intervent militari ‘internazzjonali’ kontra t-terroristi fl-artijiet Libjani.
L-abbozz tar-riżoluzzjoni kien ippreżentat lill-Kunsill tas-Sigurta tan-NU u jesiġi biex titneħħa l-embargo tan-NU fuq il-bejgħ tal-armi lil-Libja għall-benefiċċju tal-Gvern Libjan li jgawdi l-għarfien internazzjonali u li llum għandu s-sede f’Tobruk.
Madankollu, il-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin insista, speċifikament, li l-abbozz ma jsejjaħx għall-intervent militari kontra l-ISIS fil-Libja .
L-aħbar ingħatat wara li l-potenzi tal-Punent naqsu milli jiftħu għal ‘konfront dirett’ mat-terroristi tal-ISIS li fl-aħħar jiem qatlu l-Eġizzjani Kristjani fil-Libja. Il-potenzi, minflok, enfasizzaw il-ħtieġa ta’ soluzzjoni politika għall-inkwiet f’dan il-pajjiż.
Il-Ministru Libjan għall-Affarijiet Barranin, Mohamed Dayri qal li l-Libja teħtieġ li l-komunita internazzjonali taddotta pożizzjoni deċiżiva ħalli tgħinha biex tibni Armata nazzjonali effettiva. Dan, qal, għandu jsir bit-tneħħija tal-embargo fuq l-armi, bl-iskop li l-Armata Libjana tirċievi l-armamenti u l-materjal biex tikkonfronta t-terroriżmu rampanti.
Il-Gvern Libjan hu permess li jimporta l-armi u materjal relatat bl-approvazzjoni ta’ kumitat tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU li jissorvelja l-embargo ( fuq l-armi) li ilu impost mill-2011.
Bernardino Leon, ir-Rappreżentant tal-Libja għan-NU, jittama li jintlaħaq dalwaqt ftehim politiku għal Gvern (Libjan) ta’ għaqda ħalli jispiċċa l-kaos fil-pajjiż Għarbi. Hu, fl-istess ħin, qal lill-Kunsill tas-Sigurta tan-NU li d-differenzi bejn l-entitajiet politiċi rivali tal-Libja ‘m’humiex insormontabbli’.