Fi ftit ġranet oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat suppost se jiftaħ il-power station ġdida li wiegħed li tinbena fi żmien 24 xahar minn meta jitla’ fil-poter u li minħabba fiha kellu jraħħas il-kontijiet tad-dawl.
Power station ġdida sad-9 ta’ Marzu jew jirriżenja
Joseph Muscat ma kien ħalla l-ebda dubju f’moħħ ħadd li f’għeluq is-sentejn mill-elezzjoni ġenerali, il-power station li wiegħed tkun lesta u tkun qed taħdem. Tant kien ċert, li wiegħed li jirriżenja jekk ma jagħmilhiex sa sentejn. U mistoqsi minn Reno Bugeja f’għeluq is-sena, tenna l-wegħda għal sena wara.
Lanqas ġebla fuq ġebla m’hemm, aħseb u ara power station…
Illum, ġranet qabel għeluq is-sentejn, lanqas ġebla fuq ġebla m’hemm, aħseb u ara power station. Dan barra l-mistoqsijiet gravi x’kuntatti kien hemm sa minn qabel l-elezzjoni bejn min se jibni dil-power station u l-Partit Laburista, x’kuntratt hemm u l-prezz li se nħallsu għall-elettriku u li se jkun id-doppju tas-suq Ewropew meta f’dawn l-aħħar xhur kemm iż-żejt u kemm il-gass waqgħu f’daqqa fid-dinja.
…u ċertament lanqas riżenja
U jekk m’hemmx ġebla fuq ġebla, lanqas riżenja mill-Prim Ministru. Hawn min forsi jista’ jaħseb li d-deskrizzjoni ‘giddieb’ għall-Prim Ministru Muscat hi qawwija wisq. Imma l-verità hi li hu giddieb doppju: gideb li se jagħmel power station f’sentejn u gideb li jirriżenja jekk ma jagħmilhiex. Jigdeb min il-gidba ma jsejħilhiex gidba.
Iġiegħel lilna nħallsu fil-pompa tal-petrol għall-inkompetenza tiegħu
U mhux talli gideb il-Prim Ministru, talli għall-gideb u l-inkompetenza tiegħu qed iġiegħel lilna nħallsu kull meta mmorru nagħtu l-petrol jew id-diesellill-karozza. Meta tneħħi l-element tat-taxxa, f’Malta għandna l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa għall-fuels. U dan meta l-pagi f’Malta huma dawk miżjudin b’58 cents minn Muscat stess.
Fl-2011, bi prezz taż-żejt id-doppju, il-fuels f’Malta kienu orħos mil-lum
Meta erba’ snin ilu l-prezz dinji taż-żejt mhux maħdum kien id-doppju tal-lum, f’Malta kellna prezzijiet tal-fuels orħos mil-lum. Imma lil min kien jiċċarġjana anqas minnu meta ż-żejt kien id-doppju Muscat għajru ‘bla qalb’ u ‘inkompetenti’.
Prim Ministru agħar minn ‘bla qalb’ u agħar minn ‘inkompetenti’
Dak ukoll kien gideb ta’ Muscat. Għax illum il-Prim Ministru ta’ bħalissa qed jiċċarġjana aktar minn meta ħareġ jipprotesta. Mhux il-Gvern ta’ erba’ snin ilu kien kif għajru Muscat, imma Muscat illum li hu kkundannat bi kliemu stess: il-Prim Ministru Muscat hu agħar minn ‘bla qalb’ u agħar minn ‘inkompetenti’.
Jisraqna 13-il ewro f’kull 30 li nagħtu lill-karozza
Illum, Joseph Muscat għall-inkompetenza tiegħu qed iġiegħel lilna nħallsu – flok iħallas hu kif wiegħed – kull meta l-Gvern jisraqna 13-il ewro f’kull 30 li nagħtu lill-karozza. Għall-Gvern hemmhekk qiegħda l-power station ġdida wara sentejn, fil-pompa tal-petrol.
//= $special ?>