L-Avukat Irene Bonello li tirrappreżenta lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), qalet quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, li meta l-Awtorità ħarġet avviż ta’ twissija dwar il-Fantasy Tours, fl-2012, ħareġ li kien hemm xejn inqas minn 150 ilment kontra din il-kumpanija. Minn dawn kien hemm 33 li ġew riżolti b’suċċess, 21 li ġew iritirati filwaqt li 88 ġew riferuti lit-tribunal.
Hija qalet dan meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks-Direttur ta’ Fantasy Tours, Karl Azzopardi, li għandu 44 sena u huwa mill-Mellieħa. Huwa qiegħed iwieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ miżappropjazzjoni.
Il-każ tal-Fantasy Tours ħareġ matul is-Sajf tas-sena li għaddiet meta mijiet ta’ persuni li kellhom is-safar ibbukjat ma’ din il-kumpanija rċevew SMS li fejn ġew infurmati li s-safra tagħhom tħassret.
L-Avukat Bonello qalet li f’Novembru tal-2012, l-MCCAA ħarġet twissija taħt Artiklu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur fejn qalet li din il-kumpanija mhux qed joffru servizz sodisfaċenti. Kompliet tgħid li din ma kinitx l-ewwel darba li Direttur Ġenerali li joħroġ twissija bħal din u sostniet li attwalment l-Awtorità qed toħroġ tali twissijiet meta jkun hemm każ wieħed biss.
Qalet li wara li nħarġet din it-twissja, f’Novembru saret laqgħa mad-Diretturi ta’ Golden Travel, fejn fost oħrajn preżenti kien hemm Karl Azzopardi. Hija qalet li l-każijiet pendenti, li uħud minnhom kienu jmorru għall-2008, bdew jitħallsu. Madankolu qalet li kien hemm prolungar esaġerat, tant ċertu pagament dam sa nofs Lulju tal-2013 biex ġew onorati. F’dan il-perjodu kien hemm każijiet fejn il-konsumaturi ħarġu sekwestri kontra l-kumpanija.
Madankollu fis-7 ta’ Awwissu tal-2013, Karl Azzopardi u missieru, kienu marru l-Uffiċċju tal-MCCAA, fejn kienu infurmaw lill-Awtorità li l-kumpanija kienet se tibda l-proċedura ta’ likwidazzjoni.
L-Awtorità saret taf bis-sitwazzjoni tal-kumpanija wara. Fl-istess waqt li kien qed jiġri dan kollu, l-Awtorità rċeviet għadd ta’ ilmenti oħrajn.
Waqt il-kumpilazzjoni xehed ukoll Noel Farrugia, id-Direttur ta’ Brittania Tours, fejn qal li l-kumpanija tiegħu u l-Fantasy Tours kienu jikkolaboraw ħafna flimkien. Qal li lil Azzopardi ilu jafu kemm ilu jaħdem f’dan in-negozju.
Qal li madwar tliet snin ilu, il-Brittania Tours kienu qed ifittxu biex jixtru aġenziji tal-ivjaġġar oħrajn. F’dak il-perjodu, Brittania Tours kienet avviċinat lil Azzopardi u kienu inbdew disskussjonijiet biex jixtru l-kumpanija Fantasy Tours.
Kompla jisħaq li dawn id-diskussjonijiet kien għadhom fil-bidu. “Konna għandna qed nibnu fl-ftehim u nistudjaw jekk għandiex nagħmlu dan il-pass” qal Farrugia.
Xehed ukoll Joseph Cauci mill-KDM Travel. Qal li madwar tliet snin ilu kienu qed isiru diskussjonijiet biex il-kumpanija KDM tixtri lill-kumpanija Fantasy Tours. Qal li dawn id-diskussjonijiet kienu għadhom fil-bidu. Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-14 ta’ Mejju li ġej. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Ian Abdilla filwaqt li l-Avukat Khris Borg qed jidher għall-akkużat u l-Avukat Franco Debono bħala avukat minn naħa tal-vittmi.
//= $special ?>