Kif kien mistenni d-difiża ta’ Piero Di Bartolo, li nhar it-Tnejn li ġej kellu jibda jgħaddi ġuri dwar omiċidju li kien seħħ fl-2005, fejn il-katavru tal-vittma baqa’ma nstabx, ippreżentat rikors biex il-ġuri jsir. Dan kellu jinstema’ quddiem l-Imħallef Michael Mallia iżda ġie differit sine-die wara talba tal-Avukat Ġenerali. Dan biex l-akkużat u l-kompliċi jgħaddu ġuri flimkien u mhux b’mod separat.
L-Avukat Roberto Montalto, f’isem Di Bartolo, qal li qed iħossu aggravat mid-deċiżjoni li l-ġuri ġie differit sine-die peress li skont hu, it-talba tal-Avukat Ġenerali ma kienet tagħmel l-ebda sens loġistikament minħabba li t-talba kienet milqugħa wara 10 snin ta’ stennija u issa ġie differit mingħajr data.
Id-difiża qalet li lanqas ma jagħmel sens li l-Avukat Ġenerali jitħalla jirredikola proċeduri hekk serji fejn l-akkużat ilu 10 snin bil-piena ta’ għomor il-ħabs imdendla fuq rasu, kif ukoll proċeduri bħal ma hemm fil-Qorti Kostituzzjonali, bl-istess Avukat Ġenerali ġurnata jitlob ħaġa u ġurnata jitlob oħra.
Qal li issa qed jerġa’ jitlob li kollox imur għal kif oriġinarjament kien, għaliex issa wara seba’ snin induna li forsi jkun aħjar għall-każ tal-Prosekuzzjoni.
L-Avukat Montalto qal li l-klijent tiegħu diġà sofra u għadu qed isofri minn leżjoni tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. Qal li ma jistax ma jagħmilx enfasi fuq l-atteġġjament tal-Avukat Ġenerali li għamel sitt snin jiġġieled quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex isostni l-pożizzjoni tiegħu, li jkun hemm is-separazzjoni tal-ġudizzju. Issa ma jistax jifhem kif dan biddel ir-rotta u għamel kuntrumbajsa totali.
Ir-rikors jgħid li dan mhuwiex aġir serju lejn il-proċeduri legali. Għaldaqstant, qalet id-difiża, hi qed titlob biex b’urġenza tiġi revokata d-deċiżjoni li l-ġuri jiġi differit bla data, u li b’mod immedjat jiġi appuntat l-ġuri.
Piero Di Bartolo, Sqalli ta’ 40 sena li jgħix Malta, kellu jkun akkużat bil-kompliċità fil-qtil ta’ Albert Brian Rosso minn Marsaxlokk fl-10 ta’ Ottubru tal-2005.
L-Imħallef Mallia kien laqa’ t-talba li saret mill-Avukat Ġenerali li l-ġuri jsir konġunt, jiġifieri jgħaddu ġuri flimkien, di Bartolo u Anthony Bugeja li hu mixli bl-omiċidju ta’ Rosso.
Di Bartolo kellu jiġi mixli bi tliet Kapi ta’ Akkuża: kompliċità tal-qtil ta’ Rosso, li ħeba l-kadavru tiegħu u li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar waqt li seħħ l-omiċidju.
Skont l-akkużi maħruġin mill-Avukat Ġenerali, Anthony Bugeja ċempel lil Albert Brian Rosso biex jmur ħdejn d-dar tiegħu f’Marsaxlokk, fejn kien hemm ukoll Piero Di Bartolo. L-irġiel riedu jiddiskutu xi problemi li kellhom dwar in-negozju li kellhom dwar l-iskuna tas-sajd Desiree li kienet proprjetà ta’ Rosso u Bugeja, u li fuqha kien jaħdem Di Bartolo.
Id-diskussjoni marret ħażin u f’mument minnhom Bugeja u Di Bartolo ddeċidew li jsolvu l-problema billi joqtlu lil Albert Brian Rosso. Bugeja ħa arma tan-nar u spara diversi tiri li qatlu lil Rosso fil-preżenza, u bi ftehim, ma’ Di Bartolo.
L-akkuża tgħid ukoll li huma kienu daħħlu l-katavru fi xkora u ħaduh ħdejn luzzu li fuqu għabbew xi knatan li rabtu mal-katavru u ħarġu ’l barra fuq il-baħar ħdejn il-Port Ħieles, fejn irmew il-ġisem mejjet ta’ Rosso. Dan seħħ bl-intenzjoni li jaħbu d-delitt.
Il-Prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Di Bartolo qed titmexxa mill-Avukat Philip Galea Farrugia. Kemm Di Bartolo kif ukoll Bugeja qegħdin iwieġbu li mhumiex ħatja u li ma kellhom x’jaqsmu mal-każ.
//= $special ?>