Lokali

Iddeċieda “waħdu” li l-proġett tal-windfarms ma jkunx approvat

Deċiżjoni kontroversjali miċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar, li iddikjara li kien hu waħdu li ddeċieda li l-proġett propost għall-windfarms fuq il-baħar fis-Sikka l-Bajda ma kellux jiġi approvat. Din id-dikjarazzjoni saret miċ-Chairman qabel il-membri tal-Bord marru għall-vot, li kien wieħed maġġoritarju kontra l-proġett.

Min-naħa tagħhom, il-membri tal-Bord tal-MEPA għamlu biss diskussjoni qasira dwar il-proġett, tant li kien biss id-Deputat Nazzjonalist u membru tal-Bord tal-MEPA Ryan Callus, kif ukoll il-membru Victor Vella, li intervjenew.

Fid-diskussjoni, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni George Pullicino sostnew li l-Gvern ma kellux pjani alternattivi kif se joħloq enerġija sostenibbli jekk dan il-proġett jiġi rrifjutat. Mathese Portelli sostniet li mingħajr dan il-proġett, il-Gvern mhux se jilħaq il-miri tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea u jista’ jeħel penali qawwija.

Għall-appell tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni biex l-Uffiċjali tal-Ministeru għall-Energija preżenti għal-laqgħa jispeċifikaw l-għażliet li għandu quddiemu l-pajjiż, jekk il-proġett tal-windfarms ikun rifjutat, l-Uffiċjal tal-Ministeru qal biss li l-Gvern għandu Plan B.

Fil-laqgħa pubblika, l-Uffiċjali tal-kumpanija privata li għamlu r-rapport ambjentali sostnew li l-proġett se jagħmel ħsara ambjentali liz-zona, u għalhekk kellu jkun rifjutat. Ma’ dan qablu wkoll id-Direttorati tal-MEPA, li analizzaw l-applikazzjoni. Il-Kelliema tal-Oppożizzjni sostnew li bħalissa s-Sikka l-Bajda hi diġà wżata bhala l-bunkering tat-tankers, u li hi propju din l-attività li qed tikkaġuna ħsara ambjentali liz-zona, inkluż qigħ il-baħar.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli sostniet li l-Bord tal-MEPA għandu jissospendi s-smigħ tas-seduta sakemm jitlesta r-Rapport tal-Impatt Ambjentali, li wkoll twaqqaf. L-appelli tal-Oppożizzjoni ma kienux milqugha, tant li d-deċiżjoni kienet li Malta ma jkollhiex windfarms għall-enerġija alternattiva u nadifa.