Ekonomija Ewropa Internazzjonali

Ikompli l-konfront bejn il-Greċja u l-Ġermanja

Il-Gvern tal-Greċja qal li t-talba tiegħu għal estensjoni taż-żmien b’konnessjoni mad-djun tinkludi wegħda biex iżomm il-bilanċ fiskali fuq il-perjodu proviżorju ta’ sitt xhur. Dan filwaqt li l-Gvern jinnegozja mal-pajjiżi taz-zona ewro rigward l-iżvilupp għal tul ta’ żmien u t-tnaqqas tad-dejn.
Imma ftit wara li l-Greċja għamlet it-talba, il-Ġermanja kienet pronta wieġbet li talba simili ma kienitx aċċettabbli u l-Greċja trid iżżomm mal-patti li għamlet.
Uffiċjal Grieg għamilha ċara li l-Gvern żamm mal-obbligi tiegħu u ma talabx estensjoni tal-bailout. L-istess uffiċjal, li ma ssemmiex, qal li l-Gvern tal-Prim Ministru Alexis Tsipras issottometta proposta li tirrispetta l-mandat popolari, minbarra li tiddefendi d-dinjità tas-soċjetà Griega. Fl-istess ħin, it-tmexxija Griega ssostni li din il-proposta tista’ tkun aċċettabbli għal dawk imsieħba mal-Greċja fiz-zona ewro.
B’din il-proposta liz-zona ewro, il-Greċja qed tfittex l-estensjoni taż-żmien biex ikollha spazju, mingħajr theddid ta’ rikatt u l-insistenza dwar żmien insostenibbli, ħalli tfassal ftehim ġdid mal-Ewropa fl-interessi tal-iżvilupp għal bejn l-2015 u l-2019.
Uffiċjali f’Ateni, intant, qalu li l-Greċja trid li l-ftehim għall-iżvilupp jinkludi wkoll ftehim għat-tnaqqis tad-dejn fuq il-bażi tal-impenn tal-2012 mill-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro għal aktar ‘ristrutturar tad-dejn’. Fl-istess ħin, il-proposta tal-Greċja tinkludi impenn biex il-pajjiż jieħu l-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa filwaqt li jistinka aktar biex jistimula l-ekonomija.