Internazzjonali

Il-Britanniċi se jgawdu aktar tnaqqis fil-kontijiet tal-gass

Il-kumpannija British Gas tista’, din is-sena, tnaqqas mill-ġdid il-kontijiet tal-gass għall-familji fir-Renju Unit; bl-entita’ tal-enerġija ‘Centrica’ tbassar li l-prezzijiet (bl-ingrossa) taż-żejt u l-gass, għandhom jibqgħu baxxi sal-2017.

Intant, il-kumpannija għadha kemm ħabbret qliegħ anqas għall-2014, minħabba t-tnaqqis sostanzjali li sar s’issa fil-prezzijiet taż-żejt u l-gass.

Il-qligħ fis-settur tal-British Gas li jipprovdi l-gass u l-elettriku għall-familji Britanniċi niżel bi 23 fil-mija għal 439 miljun lira Sterlina. Dan wara li l-klijenti użaw ‘mal-20 fil-mija anqas gass biex isaħħnu djarhom’ waqt sena rreġistrata bħala ‘l-aktar waħda sħuna’.

Il-kap eżekuttiv ġdid ta’ ‘Centrica’, Iain Conn, issa qal li l-entita tiegħu qed tippjana fuq il-bażi li ‘l-prezzijiet aktar baxxi taż-żejt u l-gass jippersistu tul is-sena’. Dan fost il-potenzjal qawwi li din ix-xejra tkompli anki s-sena d-dieħla, kif ukoll fl-2017’.