Gvern li qed jippreferi jħares x’se jiġri llum u dwar għada mbagħad naraw
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella lill-Gvern jagħti direzzjoni fuq il-viżjoni fit-tul ta’ fejn miexja l-ekonomija, u jirrikonoxxi u jindirizza setturi li qed juru tnaqqis fl-attività ekonomika.
Meta tkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ liġi li qed jimplimenta l-miżuri tal-Baġit li qed idaħħal taxxi ġodda u żieda fit-tariffi u fil-ħlasijiet għas-servizzi tal-Gvern, Mario de Marco esprima tħassib dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna meta l-Gvern jiftaħar li l-ekonomija ġenerali sejra tajjeb, u qed nesperjenzaw xorta setturi importanti li mhux sejrin tajjeb daqs setturi oħrajn.
Ikkritika l-Gvern li qed jippreferi jħares x’se jiġri llum, u dwar għada mbagħad naraw. Mhux qed naraw viżjoni fit-tul u staqsa jekk hawnx xi ħadd li fehem x’inhi l-viżjoni ekonomika ta’ dan il-Gvern għal pajjiżna.
Semma’ kif nisimgħu ħafna aġġettivi dwar kif irridu l-ekonomija tagħna, iżda meta nneħħu l-aġġettivi u t-tqabbil, nibqgħu bil-mistoqsija dwar lil fejn miexi l-Gvern fil-viżjoni ekonomika tiegħu.
Staqsa x’attività ġdida qed jara l-Gvern li se jkollna u xi rwol se jkollhom is-setturi eżistenti għax saħaq li hu importanti li nħarsu lejn għada u pitgħada u mhux biss lejn illum.
Fisser kif l-istatistika qed turi li fil-manifattura u l-bejgħ bl-imnut, pajjiżna qed jaqta’ lura. Fil-manifattura rajna tnaqqis kważi f’kull xahar. It-tnaqqis fl-esportazzjoni u dak li qed jiġri fil-fabbriki, hu rifless ta’ dak li qed naraw fl-istatistika.
Bejn Jannar u Novembru tas-sena li għadddiet, paragunat mas-sena ta’ qabel, kien hemm tnaqqis ta’ 22% fl-esportazzjoni – l-ikbar tnaqqis reġistarat minn kull pajjiż fl-UE.
Appella lill-Gvern jirrikonoxxi li din hi problema li rridu nindirizzaw, u ma jinjorax l-istatistika iżda jifhem l-entità tal-problema.
Staqsa li jekk il-problema hi fabbirka waħda, li timpjega mijiet ta’ persuni u hi ewlenijia fis-settur tal-elettronika, is-sitwazzjoni hi nkwetanti u l-Gvern għandu dmir li jindirizza biex tissaħħaħ il-kompetittività ta’ din il-fabbrika, u biex din il-fabbrika tibqa’.
Fisser li l-problemi fil-manifattura huma varji u f’diversi setturi u mhux biss f’dik tal-elettronika, hekk kif irrimarka li l-esportazzjoni f’sentejn naqset b’aktar minn €700 miljun.
Appella lill-Gvern jisma’ mill-imprendituri u mill-Kamra tal-Kummerċ li qed isejħu għal inizjattivi li jtejbu l-kompetittività u biex jitnaqqsu l-ispejjeż, inkluż bl-ogħla prezzijietj tal-fuel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’60%.
Semma kif l-istatistika tal-Eurostat kif ukoll l-istħarriġ tal-GRTU qed juru li l-ħwienet qed jirreġistraw tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. Fisser li għalkemm jista’ jkun hemm diversi rapporti li jindikaw tkabbir ekonomiku, Mario de Marco fisser li hu l-ħaddiem li jrid iħoss li għandu l-flus fil-but biex jonfoq.
Ix-Shadow Minister għall-Finanzi appella lill-Gvern li jekk irridu ntejbu l-bejgħ fil-ħwienet, irridu nżidu d-dħul tal-ħaddiema u mhux nimponu aktar miżuri ta’ taxxi, tariffi u żieda fil-ħlasijiet fis-servizzi tal-Gvern.
Appella lill-Gvern jagħti spazju lis-settur privat biex imexxi hu l-ekonomija u mhux iħajjar in-nies jidħlu f’impjieg fis-settur pubbliku u mhux fil-privat. Bħala eżempju semma kif fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-ħaddiema f’sena żdiedu b’mitt ħaddiem, f’maġġoranza kbira tagħhom bħala kaħħala u bennejja.
//= $special ?>