Kultura Lokali

Il-Pjanijiet għall-mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għandha pjanijiet biex iġġedded u testendi il-mużew tal-Konkatidral biex tkun tista’ tilqa’ aħjar l-ammont ta’ turisti u Maltin li jżuru l-mużew. Dan speċjalment minħabba l-fatt li t-tqassim attwali tal-mużew mhux qed jesibixxi l-affarijiet artistiċi u prezzjużi fl-ambjent ideali ta’ konservazzjoni.
Dawn jinkludu, fost oħrajn, 29 Arazz, il-Paramenti Sagri, il-Kollezzjoni tal-Fidda, il-Manuskritti Korali, u l-Kappella Ardente. Hemm pjanat ukoll li jsir Ċentru ddedikat għall-Caravaggio, dan ser jiffoka fuq il-ħajja u xogħlijiet ta dan l-artist. Huwa ppjanat ukoll dawl xieraq, kontroll tal-klima addatata, u postijiet tal-qari.
L-entratura l-ġdida ser tkun biżżejjed biex il-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann jipprovdi faċilitajiet aktar komda għall-viżitaturi u anke l-aċċessibbiltà neċessarja għal persuni b’diżabilità.
L-estensjoni mhux ser ikollha impatt dirett fuq il-knisja, u hija iddisinjata b’tali mod li se jippermettu ħinijiet tal-ftuħ aktar flessibbli tal-mużew.
Monsinjur Carmel Zammit, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann qal li ilu żmien twil jinħass il-bżonn ta’estensjoni u arranġament mill-ġdid tal-Mużew. Hu enfasiżża “li l-Konkatidral ta’ San Ġwann hu ġawhra artistika unika u rridu nkomplu ntejjbu t-tgawdija ta’ dan it-teżor Ewropew”.
Permezz ta’ teknoloġija ġdida se jkun qed jitlaqqgħu l-aspetti kollha ta’ konservazzjoni u mezzi oħra ta’ tgħalim li se jagħtu esperjenza edukattiva lill-viżitaturi biex japprezzaw dak li ser ikunu qed jaraw.
Iżda fuq kollox il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tenniet kif ir-rinovazzjoni torbot perfettament mal-unur li l-Belt Valletta ser ikollha bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.