Lokali

Il-PN jinsisti li l-Kummissjoni Elettorali tispjega allegat każ ta’ leak lill-Partit Laburista

Il-Kummissjoni Elettorali għandha tispjega allegat każ ta’ leak lill-Partit Laburista fil-każ ta’ Appell li ressqet il-Kummissjoni lil Uffiċjali tal-Partit Laburista. Dan b’rabta mal-każ li l-Partit Nazzjonalista rebaħ fil-Qorti, u li permezz ta’ din id-deċiżjoni tat żewġ siġġijiet oħrajn lill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, meta għamel referenza dwar il-każ li ġie anke żvelat illum mill-ġurnal The Malta Independent f’artiklu li qajjem tħassib serju dwar kif taħdem il-Kummissjoni Elettorali f’pajjiżna.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Kummissjoni Elettorali għandha tkun indipendenti u imparzjali mill-partiti politiċi. Dan hu anke mitlub mill-Kostituzzjoni ta’ Malta li tgħid: “Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, skont din il-Kostituzzjoni, il-Kummissjoni Elettorali ma tkunx suġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra”.

Għaldaqstant, kompla jispjega l-Partit Nazzjonalista, jidher li l-Kummissjoni Elettorali biddlet l-Appell tagħha fil-kawża kontra l-Partit Nazzjonalista, wara li l-Appell ingħadda b’mod sigriet lill-Partit Laburista.

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Kummissjoni Elettorali tispjega minnufih kif l-abbozz tal-Appell ingħadda lill-Uffiċjali tal-Partit Laburista qabel ġie ppreżentat fil-Qorti.