Il-Prosekuturi fl-Isvizzera wettqu tfittxijiet fl-uffiċċji tas-sussidjarja tal-HSBC f’Ġinevra, hekk kif qed ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar allegat ħasil ta’ flus.
Huma qed jinvestigaw l-uffiċċji ta’ HSBC Private Bank (Suisse) u “persuni mhux magħrufa dwar suspett ta’ ħasil ta’ flus”. L-investigazzjoni probabbli tinkludi persuni li wettqu ħasil ta’ flus u anke dawk li huma suspettati li b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-ħasil ta’ flus. Il-ġimgħa l-oħra ħarġu allegazzjonijiet li l-bank privat fl-Isvizzera seta’ għen lil xi nies sinjuri biex jevadu t-taxxa.
Il-bank HSBC qal li hu qed jikkopera mal-awtoritajiet Svizzeri waqt li għamel diversi reklami f’gazzetti ta’ tmiem il-ġimgħa b’apoloġija b’rabta mal-allegazzjonijiet.
Il-kap eżekuttiv tal-fergħa fl-Isvizzera, Franco Morra, il-ġimgħa li għaddiet qal li l-bank mill-ewwel għalaq il-kontijiet ta’ klijenti li ma laħqux il-livell għoli tal-bank. Malli ħareġ l-allegat skandlu, il-bank mill-ewwel ammetta li fil-passat ma kinux isiru l-kontrolli kollha meħtieġa imma saħaq li issa l-proċeduri nbidlu mill-qiegħ. Il-bank qed jiffaċċja investigazzjonijiet kriminali fl-Istati Uniti, fi Franza, fil-Belġju u l-Arġentina.
//= $special ?>