Lokali

In-Nadurin sorpriżi bl-atteġġjament tal-kunsillieri u l-kandidati Laburisti

Ritratt: Il-Belveder tan-Nadur illum … u kif ikun, jekk jinħareġ il-permess tal-ħajt mill-MEPA

Il-komunità tan-Nadur hi perplessa għall-aħħar kif il-kunsillieri u l-kandidati Laburisti, minflok qed ifittxu l-interessi veri tal-lokal, qed ifittxu li jħarsu l-interessi ta’ kanvasser tal-Ministru Anton Refalo.

Iż-żewġ kunsillieri Laburisti, Josianne Cutajar u Maria Natoli, fil-laqgħa tal-Kunsill li ddiskutiet il-futur tal-Belveder fi Triq David Cocco Palmieri, għażlu li jastjenu flok li jħarsu l-interessi ta’ dan il-belveder.

B’dan il-messaġġ huma qalu lill-komunità tan-Nadur li jiġu jaqgħu u jqumu jekk jinbeniex ħajt ta’ seba’ filati tul il-perimetru ta’ dan il-belveder li jkun jgħatti l-veduta kollha imprezzabbli u mill-isbaħ mhux biss tal-fliegu bejn il-gżejjer Maltin, imma x-xenarju tal-Port tal-Imġarr f’Għawdex ukoll.

Il-komunità tan-Nadur l-inqas li stenniet minn dawn iż-żewġ kunsillieri – li suppost li jħarsu l-ewwel l-interess tan-Nadur u xejn aktar – kien li dawn iwasslu messaġġ li ’l fuq minn kull interpretazzjoni politika, dak li għandu jseħħ fil-lokal hu dak li hu tassew ta’ ġid għall-istess Nadurin u għad-dehra ta’ dan ir-raħal ċkejken.

Imma bi skuża jew oħra, jew saħansitra b’raġunijiet li ma jagħmlux sens – bħal dik li s-sid tal-għalqa għandu dritt ma jħallix persuni oħra jħarsu lejn l-għalqa tiegħu (li sa ftit tax-xhur ilu kienet fi stat ta’ telqa u abbandun u qatt ma kienet maħduma) – għażlu li jastjenu fil-vot tagħhom.

Dan wassal biex ma bagħtux messaġġ qawwi lill-Gvern Ċentrali għad-deċiżjoni żbaljata tiegħu li jirrevoka deċiżjoni meħuda fit-3 ta’ April tal-2008 u jirritorna strixxa ta’ art esproprjata lis-sid oriġinali tagħha bir-riżultat li issa dan is-sid irid itella’ dan il-ħajt ta’ seba’ filati “biex ħadd ma jħarislu lejn ir-raba’ tiegħu”.

5420930479_a6dd64bc0f

Ritratt: Il-veduta spettakolari li hemm mill-belveder tan-nadur