Ix-xufier ta’ Luciano Busuttil, li hu Chairman part-time għall-Kunsill Malti għall-Isport, jitħallas €12,755 fis-sena minbarra l-bonus u ħlas ieħor, mhux kwantifikat, kull ġimgħa.
Dan ħareġ minn tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saret mid-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li madankollu ma riedx jispjega kemm hu dan il-ħlas ieħor li jingħata x-xufier, minbarra l-paga u l-bonus, jew għal xhiex jingħata u liema spejjeż suppost ikopri.
Il-Ministru qal li minbarra s-salarju fis-sena, il-benefiċċju fil-ġimgħa li ma ġiex ikkwantifikat, u l-bonus, ix-xufier taċ-Chairman part-time m’għandu ebda benefiċċju ieħor.
Hu l-unika persuna li l-Kunsill Malti għall-Isport impjega fuq bażi ta’ fiduċja personali.
Francis Borg, li lanqas kien impjegat tal-Gvern, ingħata dan l-impjieg direttament minn barra meta ma ħarġet ebda sejħa pubblika. Dan ifisser li persuna oħra tal-qalba ntagħżlet biex tgawdi eluf ta’ ewro fis-sena li, minkejja li huma fondi pubbliċi, għadhom s’issa mhux magħrufa.
Luciano Busuttil, li jaħdem biss ftit sigħat fil-ġimgħa bħala Chairman part-time għall-Kunsill Malti għall-Isport, jitħallas €45,000 fis-sena, għal dan l-inkariku u pożizzjonijiet oħra li ngħata.
//= $special ?>