Ekonomija Internazzjonali

Jerġa’ jonqos il-prezz taż-żejt fost tħassib dwar il-provvisti żejda

Il-prezzijiet taż-żejt reġgħu naqsu qabel kellha toħroġ data ġdida biex turi li l-Istati Uniti, illum, għandha ħażniet taż-żejt rekord. Sadanittant, iż-żieda fil-produzzjoni mill-Arabja Sawdija – l-akbar esportatur taż-żejt fid-dinja – ukoll xprunat l-inkwiet li d-dinja, fil-preżent, għandha aktar żejt milli għandha bżonn.
Iż-żejt mhux raffinat (Brent crude) ilbieraħ niżel b’żewġ dollari għal $58.53 l-barmil. Dan wara li l-prezz, nhar it-Tlieta, kien tela’ għal $63 l-barmil li kien l-ogħla livell għal xahrejn. Intant, iż-żejt indikat għall-ħtiġiet tal-Istati Uniti f’Marzu wkoll naqas b’żewġ dollari għal $50.5 l-barmil.
It-tnaqqis regolari fil-prezz taż-żejt effettwa wkoll ir-rubli tar-Russja, li kompliet titlef il-valur. Dan peress li ż-żejt hu waħda mill-akbar riżorsi li jesporta l-pajjiż.
Skont l-American Petroleum Institute, il-ħażniet taż-żejt mhux raffinat fl-Istati Uniti żdiedu b’14.3-il miljun barmil matul il-ġimgħa li għaddiet u dan hu ħafna aktar milli bassru, inizjalment, l-analisti. Intant, l-entità tal-konsulenti PIRA sostniet li l-produzzjoni taż-żejt mill-Arabja Sawdija tista’ tkun qed toqrob lejn l-għaxar miljun barmil kuljum.