L-Ambaxxatur tal-Iraq għan-Nazzjonijiet Uniti talab lill-Kunsill tas-Sigurtà biex jinvestiga allegazzjonijiet li l-militanti tal-ISIS qed jisirqu l-organi ta’ vittmi tagħhom biex ibiegħuhom u jiffinanzjaw il-ħidma tagħhom.
Mohamed Alhakim qal lil ġurnalisti li fl-aħħar ġimgħat, instabu numru ta’ katavri ta’ vittmi b’qtugħ tipiku ta’ operazzjonijiet u, meta investigati, instabu li kellhom organi nieqsa bħall-kliewi jew partijiet oħra tal-ġisem. Qal ukoll li nqatlu madwar 12-il tabib f’Mosul wara li dawn irrifjutaw li jieħdu organi minn katavri u li jżommuhom f’kundizzjonijiet tajba.
Alhakim akkuża lill-militanti tal-ISIS b’ġenoċidju, u li qed jimmiraw li jolqtu gruppi etniċi partikolari.
L-Invjat Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq, li jispiċċalu t-terminu tiegħu fil-qib, Nikolay Mladenov, qal lill-Kunsill tas-Sigurtà li f’Jannar biss inqatlu 790 persuna minħabba t-terroriżmu jew kunflitti b’armi.
Mladenov qal li l-għan prinċipali tal-Iraq hu li jtirbaħ lura t-territorju wiesgħa li tilef għall-ISIS fl-aħħar sena. Hu stmat li l-grupp ta’ terroristi ħataf terz tal-Iraq u tas-Sirja u daħħal il-liġi stretta tax-Xarija. Mladenov qal ukoll li ġew irrappurtati wkoll numru dejjem jikber ta’ attakki ta’ vendetta kontra membri tal-komunità Sunnita f’inħawi kkontrollati mill-Istat Iżlamiku.
Hu stmat li l-Istat Iżlamiku għandu dħul ta’ $2 miljun kuljum li minnhom qed jiffinanzja l-ħidma terroristika tiegħu. Minbarra l-bejgħ tal-organi, hu mifhum li l-grupp terroristiku għandu x’jaqsam mal-bejgħ taż-żejt, mal-bejgħ ta’ antikitajiet misruqa waqt li għandu dħul sostanzjali wkoll mit-talbiet għal ħlasijiet meta jissekkwestra persuni.
Agħfas il-link għal aktar dettalji fil-media internazzjonali